“Dar li tgħożż il-ħajja, tapplika l-inklużjoni u tassigura s-solidarjetà.”
Kien b’dan il-mod li l-Isqof Awżiljarju, Joseph Galea Curmi ddeskriva x-xogħol tad-Dar tal-Providenza waqt li kienet qed tiġi ċċelebrata quddiesa fil-kappella tal-istess Dar… hekk kif matul il-jum tal-Ħadd kompliet il-maratona ta’ 53 siegħa ta’ volleyball wara nuqqas ta’ sentejn kawża tal-pandemija.
Galea Curmi kompla jgħid li kull persuna, tkun fejn tkun, għandha twassal il-paċi u l-imħabba kemm fil-kelma u anke fl-imġieba tagħha. Dan hekk kif, kompla jgħid, li l-firda twassal biss biex tkisser lil numru ta’ persuni li diġa’ jkunu vulnerabbli. U huwa għalhekk li kull persuna għandha tassigura li tingħata d-dinjità lil kull bniedem.
Hu temm jgħid li kull min jista’ għandu jgħin lid-Dar tal-Providenza, mhux biss matul il-maratona iżda wkoll matul is-sena kollha biex b’hekk tkun tista’ tibqa’ toffri l-imħabba u l-għożża ta’ diversi residenti fi ħdan din id-Dar.
L-Isqof Galea Curmi kellu l-okkażjoni li jltaqa’ ma’ wħud mill-voluntiera u l-plejers li qegħdin jieħdu sehem f’din it-12-il edizzjoni, kif ukoll mar-residenti u l-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza.
Intant, waqt din il-maratona kienu prezenti diversi deputati tal-PN illi taw is-sostenn taghhom lid-Dar tal-Providenza. Fosthom il-kelliema tal-PN ghall-Inklużjoni Graziella Galea…illi ippartecipat fost l-ohrajn fil-ftuh tal-maratona tal-volleyball, filwaqt li wiegbet ukoll it-telefonati li bdew jaslu minghand in-nies bid-donazzjonijiet taghhom.
Il-maratona tiġi fi tmiemha il-Ħadd filgħaxija.
Il-pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq in-numri provduti hawn taħt, juża l-BOV Mobile Banking jew il-PayPal jew jagħti donazzjoni online fil-kontijiet bankarji tad-Dar mal-APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank u BNF Bank.
€10 – 5160 2011
€15 – 5170 2012
€25 – 5180 2013
€50 – 5190 2070
€100 – 5130 2044
Pledge Line: 2146 3686
BOV Mobile: 7932 4834
Ritratti: Kurja