Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna:  Il-militar Ukren jikkonferma li r-Russi, issa, ħadu l-kontroll f’Lysychansk

Il-militar tal-Ukrajna għadu kemm ikkonferma li l-belt importanti ta’ Lysychansk, — fir-reġjun tad-Donbas — issa waqgħet lill-qawwiet tar-Russja wara jiem ta’ battalji ħorox.

Kelliema għall-Armata Ukrena, issa, qalu li l-qawwiet tagħhom f’Lysychansk, fl-aħħar sigħat, kienu mġiegħelha jaqgħu lura mill-pożizzjonijiet li kienu qed jokkupaw u li din id-deċiżjoni ttieħdet biex tippreserva l-ħajja tad-difensuri li kienu qed jirreżistu kontra l-qawwiet Russi li kienu ferm aktar superjuri f’termini ta’ numru.

Kelliema għall-Ministeru tad-Difiża tar-Russja issa infurmaw lill-President Russu, Vladimir Putin, li s-suċċess militari jfisser li r-reġjun kollu ta’ Luhansk – lejn il-lvant tal-Ukrajna u li jifforma parti mid-Donvas – spiċċa liberat mill-qawwiet tal-Kremlin.

Lysychansk kienet l-aħħar belt ewlenija fir-reġjun ta’ Luhansk li baqgħet taħt il-kontroll tal-Ukreni – bl-aħħar filmati juru numru ta’ suldati Russi qed jinfiltraw l-inħawi lejn iċ-ċentru tal-belt. Xi filmati anki wrew lil xi residenti fil-belt qegħdin jilqgħu lir-Russi bħala ‘eroj’ u ‘liberaturi’ meta l-komunità lokali dejjem kellha ammont kbir ta’ residenti bis-simpatiji ma’ Moska.

Madankollu, l-aħħar żviluppi ma jfissrux it-tmiem tal-ġlied fid-Donbas – ir-reġjun li jinkorpora l-hekk-imsejħa Repubbliki separatisti ta’ Luhansk u Donetsk. Dan waqt li l-awtoritajiet Ukreni huma fiduċjużi li jirċievu biżżejjed artillerija u armamenti oħra mingħand il-Punent biex ‘jirbħu lura’ l-artijiet li tilfu s’issa fil-lvant tal-Ukrajna.

L-Ukrajna għadha qed tikkontrolla diversi zoni urbani kbar fid-Donetsk Oblast, viċin ta’ Luhansk, u fl-aħħar sigħat, il-qawwiet tagħha kienu qed jikkonsolidaw id-difiżi fl-inħawi bejn Bakhmut u Slovyansk. L-istess linji difensivi qed iġarrbu l-bumbardamenti tar-Russja, fost rapporti dwar ‘telf kbir ta’ ħajja’ fost l-Ukreni u r-Russi.

Id-domanda kbira, hawnhekk, hi jekk l-Ukrajna jirnexxilhiex, ‘il quddiem, twaqqaf  l-avvanzi tar-Russi u – mill-banda l-oħra — jekk ir-Russja tiflaħx iżżomm din l-ispinta tal-attakki fuq l-ibliet taħt idejn l-Ukreni.