Lokali

Il-ksur ta’ etika fir-reklami tal-Gvern iffinanzjat mill-pubbliku fil-gazzetta tal-Partit Laburista ‘Kullħadd’

Din il-ġimgħa kienet dominata mir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li sab ksur ta’ etika fir-reklamar tal-Gvern iffinanzjati mill-pubbliku u li liema reklamar kien pubblikat f’suppliment bil-kulur u ta’ 28 paġna mal-gazzetta ‘KullĦadd’ li hi l-organu ta’ kull nhar ta’ Ħadd tal-Partit Laburista.

Dan ir-rapport isib lil 18-il Ministru u Segretarju Parlamentari ħatja li kisru l-Kodiċi ta’ Etika wara li bejniethom nefqu t-total ta’ €16,700 minn fondi pubbliċi fuq reklami partiġjani f’suppliment ippubblikat mill-gazzetta ‘KullĦadd’.

Minkejja li sa issa għaddew ftit jiem mhux ħażin mill-ħruġ ta’ dan ir-rapport, l-ebda Ministru jew Segretarju Parlamentari indikat fil-lista tal-Kummissarju għall-Istandards ma ħareġ b’xi dikjarazzjoni li jammetti l-iżball u l-abbuż tiegħu.

Nhar il-Ħamis waqt il-laqgħa tal-Kumitat tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika fejn George Hyzler, bħala l-Kummissarju għall-Istandards ta l-ispjega dettaljata tiegħu dwar dan ir-rapport u l-konklużjonijiet tiegħu u wieġeb ukoll il-mistoqsijiet li sarulu, il-membri f’isem il-Gvern spiċċaw jattakkaw lill-istess Kummissarju għall-Istandards għall-fatt li esprima l-ħsibijiet tiegħu f’dan ir-rapport filwaqt li ppruvaw jiġġustifikaw dawn ir-reklami partiġjani bħala “servizz informattiv għall-pubbliku”.

Bl-imġiba tagħhom ir-rappreżentanti tal-Gvern f’dik il-laqgħa partikulari wrew li huma mhumiex lesti li joqogħdu mal-linji gwida maħruġa mill-istess Kummissarju għall-Istandards għaliex ma jaqblux magħhom.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju allura l-mistoqsija tqum waħidha: Min se jżomm lill-Ministri u lis-Segretarji Parlamentari fil-parametri tat-tħaris ta’ dawn il-linji gwida?

Hawnhekk l-attenzjoni ddur fuq is-Segretarji Permanenti li hemm f’kull Ministeru u f’kull Segretarjat Parlamentari. Il-ħatriet ta’ dawn is-Segretarji Permanenti ssir biex dawn ikunu l-għassiesa bejn min imexxi u l-interessi vera tal-pajjiż u tal-poplu Malti. Mela, f’dan il-każ, dawn is-Segretarji Permanenti jridu jassiguraw li ħniżrijiet u abbużi bħal dawn la messhom qatt seħħew u wisq inqas issa jerġgħu jirrepetu ruħhom.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju u l-għada tal-laqgħa tal-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, din il-gazzetta Il-Mument bagħtet numru ta’ mistoqsijiet lis-Segretarji Permanenti involuti meta kienu approvati l-infieq dwar il-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-reklami partiġjani.

Il-Mument bagħtet mistoqsijiet lis-Segretarji Parlamentari Kevin Mahoney, John Borg, Anthony Gatt, Mark Mousù, Joseph F.Caruana, Joyce Dimech, Joseph Caruana, Matthew Vella, Sharlo Camilleri, Nancy Caruana u Johan Galea.
Il-Mument staqsiethom:

“Fid-dawl tar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards maħruġ aktar kmieni din il-ġimgħa, napprezza jekk tirrispondi dawn il-mistoqsijiet:

“1. Kont konxju minn dawn ir-reklami u ħlasijiet lill-gazzetta Kullħadd?

“2. Min finalment approva n-nefqa biex ir-reklam li jaqa’ taħt il-portafoll tiegħek ikun pubblikat fil-gazzetta konċernata?

“3. Jirriżulta li dawn huma reklami illegali… x’inhi l-pożizzjoni tiegħek issa?

“4. Jekk ma kontx int li finalment approvajt dan ir-reklam allura tista’ tindika min kien finalment responsabbli biex jagħti l-go ahead ta’ approvazzjoni?”

L-istorja dwar dawn ir-reklami partiġjani tmur lura għal nofs Jannar li għadda meta mal-gazzetta ‘KullĦadd’ tal-Ħadd, 16 ta’ Jannar 2022, kien pubblikat suppliment ta’ 28 paġna mimli reklamar partiġjan minn diversi Ministeri u Segretarji Parlamentari tal-Gvern. Sussegwentement fi Frar li għadda l-Kummissarju għall-Istandards intalab biex jinvestiga reklami partiġjani tal-Gvern iffinanzjati mill-pubbliku fuq il-midja tal-Partit Laburista.

Fis-6 ta’ Mejju 2022, l-NGO Repubblika pproponiet numru ta’ linji gwida għall-ministri u l-entitajiet pubbliċi dwar l-infiq ta’ reklamar politiku.

Repubblika kienet qalet kif filwaqt li l-użu ta’ fondi pubbliċi għall-gwadann personali hu ksur tal-kodiċi tal-etika, innotat li ntlaħaq qbil dwar ir-regolarizzazzjoni ta’ dan l-infiq li jinkludi rimarki pubbliċi mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia. Skont Repubblika, filwaqt li kemm il-Prim Ministru kif ukoll l-Ispeaker kienu qablu li għandu jkun hemm linji gwida, iżda ma kienet ħarġet l-ebda evidenza ta’ urġenza biex dawn ir-regoli jiġu adottati.

Dakinhar biex il-proċess ta’ linji gwida jitħaffef u tintlaħaq il-mira tal-Prim Ministru u tal-Ispeaker, u jkunu evitati l-ħela ta’ fondi pubbliċi, Repubblika qalet li ħadet l-inizjattiva li tipproponi numru ta’ linji gwida bbażati fuq mudelli internazzjonali.

Dawn il-linji gwida kienu jinkludu li jitnaqqas in-numru ta’ reklamar politiku minn sena qabel l-elezzjoni ġenerali; li l-pubbliku jkollu d-dritt għall-aċċess tal-informazzjoni dwar politika, programmi u servizzi tal-Gvern; li l-Gvern għandu jkun aċċessibbli fiż-żewġ lingwi uffiċjali ta’ pajjiżna; li l-komunikazzjoni tal-Gvern m’għandhiex tkun partiġjana anzi għandha tkun immexxija u kkordinata sew u b’mod ċar tieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-informazzjoni tal-pubbliku; u li l-komunikazzjoni mill-Gvern għall-Gvern għandhom ikunu standardizzati biex b’hekk ma jintefqux flus żejda.

Żvilupp importanti ieħor f’din l-istorja seħħ aktar kmieni din il-ġimgħa hekk kif George Hyzler, il-Kummissarju għall-Istandards, ħareġ ir-rapport tiegħu dwar dan l-abbuż u fil-konklużjonijiet tiegħu sab li 18-il Ministru, Eks Ministru u Eks Segretarju Parlamentari kienu kisru l-Kodiċi ta’ Etika Ministerjali permezz ta’ reklami uffiċjali partiġjani li huma kienu ppubblikaw fis-suppliment maħruġ mal-gazzetta ‘KullĦadd’ tal-Partit Laburista fis-16 ta’ Jannar li għadda.

Fir-rapport tiegħu, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li l-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-reklami uffiċjali f’dan is-suppliment kien mekkaniżmu biex organu tal-Partit fil-Gvern ikun sussidjat permezz ta’ fondi pubbliċi… jiġifieri minn but il-poplu Malti u Għawdxi.

Dan l-infiq kien jammonta għal total ta’ €16,700 u fih innifsu jirrappreżenta nuqqas ta’ separazzjoni bejn l-irwol ta’ Ministru u ta’ Membru ta’ Partit Politiku u użu ħażin ta’ fondi pubbliċi.

Apparti dan, jippreżenta wkoll ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità tas-Servizz Pubbliku għaliex infiq minn Ministeri għandu jkun approvat minn uffiċjali għolja fis-Servizz Pubbliku, li allura tpoġġew f’sitwazzjoni fejn kellhom japprovaw infiq ta’ fondi pubbliċi għal skop politiku.

Ir-rapport josserva wkoll li fil-House of Commons tar-Renju Unit, hi l-prattika li jekk Deputat jinstab li għamel użu ħażin minn riżorsi pubbliċi, jintalab iħallas lura lill-Istat l-ispejjeż involuti. Minn fost it-18-il Deputat Laburista, l-iktar persuna li nefqet fuq ir-riklam kien il-Ministru Michael Farrugia f’total ta’ €2,000.

Wara jsegwu Chris Agius, Owen Bonnici, Clint Camilleri, Michael Falzon, Julia Farrugia Portelli, Josè Herrera u Edward Zammit Lewis li nefqu €1,100 kull wieħed. Carmelo Abela, Ian Borg, Byron Camilleri, Miriam Dalli, Aaron Farrugia, Chris Fearne, Roderick Galdes, Clifton Grima, Anton Refalo u Silvio Schembri nefqu €700. Bit-total ta’ infiq ilaħħaq is-
€16,700.

Fir-rapport ħareġ li l-imġiba hi aggravata fil-każ tal-Ministru Ian Borg, tal-Eks Ministru Edward Zammit Lewis u l-Eks Segretarju Parlamentari Chris Agius minħabba n-natura partiġjana tar-reklami tagħhom.

Fil-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li tlaqqa’ t-Tnejn kien hemm qbil li dan ir-rapport ikun ippubblikat u li l-Kummissarju George Hyzler jitla’ jixhed dwaru nhar il-Ħamis li għadda.

F’dik il-laqgħa tal-Kumitat għall-Istandards, id-Deputati Nazzjonalisti Ryan Callus u Mark Anthony Sammut irrappreżentaw lill-Oppożizzjoni waqt li l-Ministru Jonathan Attard u l-Whip Laburista Andy Ellul irrappreżentaw lill-Gvern.

Meta tlaqqa’ l-Ħamis li għadda l-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubbliku fejn, fost l-oħrajn, xehed il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler li fost id-dikjarazzjonijiet li għamel stqarr li: “Dan il-każ kien wieħed sfaċċat, suppliment li 28 paġna minn dan is-suppliment kienu reklami għalihom infushom – aġir li jmur kompletament kontra l-linji gwida ppubblikati… ksur sfaċċat tar-regola.”

George Hyzler insista li l-flus tal-Istat m’għandhom qatt jintefqu għal skopijiet partiġjani iżda għal fini tal-Istat.

George Hyzler insista li jekk il-Membri tal-Gvern mhux lesti li joqogħdu mal-linji gwida, allura għandhom jaqbdu u jgħidu li ma jaqblux magħhom.

Hu enfasizza li dan l-infiq li jammonta għal total ta’ €16,700 jirrappreżenta nuqqas ta’ separazzjoni bejn l-irwol ta’ Ministru u ta’ Membru ta’ Partit Politiku kif ukoll użu ħażin ta’ fondi pubbliċi.

F’kumment lil Il-Mument, id-Deputati Nazzjonalisti Ryan Callus u Mark Anthony Sammut li jirrappreżentaw lill-Partit Nazzjonalista fil-Kumitat għall-Istandards, qalu li l-inqas ħaġa li jistgħu jagħmlu l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tal-Gvern u l-Eks Ministri jew Eks Segretarji Parlamentari tal-Gvern involuti f’dan l-abbuż, hu li jitolbu apoloġija.

Filwaqt li komplew li dawk kollha li żbaljaw huma issa magħrufa u għalhekk m’għandhom l-ebda skuża, issa jkun f’waqtu li dawn l-istess Deputati Laburisti jerfgħu r-responsabbiltà politika tagħhom u, fost l-oħrajn, jagħmlu rifużjoni tal-flus imberbqa minn but il-poplu Malti u Għawdxi.

Tags