Lokali

“Il-PN huwa favur il-ħajja u għalhekk kellna obbligu li naraw kif se nsibu bilanċ” – Bernard Grech

L-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota favur l-emendi tal-IVF fil-vot finali fil-Parlament

“Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien favur il-ħajja u għalhekk ma setax jibqa’ ċass u kellu l-obbligu li jara kif se jkun hemm bilanċ fi kwstjoni daqstant delikata għal numru ta’ familji”.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’kollegament telefoniku waqt il-programm Analiżi fuq Net Television.

Huwa qal li l-PN dejjem ħa l-kwistjoni tal-IVF b’serjeta kbira, tant li telaq mill-punt li l-protezzjoni tal-embrijun hija importanti ħafna. Saħaq li f’din il-mixja kien hemm il-bżonn li nempatizzaw ma’ dawk il-persuni li jkollhom problema biex ikollhom it-tfal kif ukoll dwar problemi li jista’ jkun hemm fit-tqala u twelid tat-tfal.

Bernard Grech qal li wara li saret diskussjoni anke ma’ esperti u tobba, il-Partit Nazzjonalista ra kif seta’ jtejjeb din il-liġi biex verament ikun protett l-embrijun. Saħaq li l-Oppożizzjoni ressqet l-emenda biex il-polar body testing isir parti mill-liġi.. emenda li ġiet aċċettata, kif ġiet ukoll aċċettata emendi oħra fi stadju ta’ Kumitat. Huwa għalhekk li l-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota favur l-emendi tal-IVF fil-vot finali fil-Parlament.

Mistoqsi dwar il-kwistjoni tal-Università Amerikana f’Malta, Bernard Grech qal li sa mill-bidu nett kien tkellem sabiex l-art fiż-Zonqor qatt ma tingħta lil Sadeen.  Issa l-Gvern qed jgħid li se jipprova jieħu din l-art lura u jippremja lil din il-persuna u jagħtiha spazju ieħor fil-Kottonera bi prezz verament baxx.

Dwar il-każ tal-anzjan li ħarab minn San Vincenz de Paule, huwa qal li dak li seħħ huwa ta’ tħassib hekk kif l-qraba ta’ anzjani li jinsabu f’din ir-residenza, m’għandhomx serħan il-moħħ. Dan hekk kif hemm nuqqas ta’ ħaddiema li qed jimpatta s-saħħa ta’ dawn l-anzjani. Quddiem din is-sitwazzjoni, Bernard Grech qal li l-Gvern jrid jerfa’ responsabbiltà għal dak kolli li qed iseħħ.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-problema li għaddejjin minnha koppji żgħażagħ meta jiġu biex jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom hekk kif l-għoli tal-ħajja ukoll qed taffettwa lil dawn il-persuni. Huwa qal li l-ħajja ilha togħla ħafna qabel ma bdiet il-gwerra fl-Ukrajna… problema li qed taffettwa lil bosta familji u ħaddiema għalhekk jesiġi lill-Gvern sabiex isib soluzzjoni immedjata.