Internazzjonali

Danimarka: Jinqatlu waqt sparatura f’ċentru kummerċjali ta’ Copenhagen

(Ritratt: EPA)

Numru ta’ persuni nqatlu fi sparatura li seħħet f’ċentru kummerċjali f’Copenhagen — bil-pulizija Daniża tidentifika u tarresta raġel ta’ 22 sena li hu suspettat bħala l-aggressur, Il-Pulizija mhi qed teskludi l-ebda mottiv għall-isparatura fost indikazzjonijiet li l-każ jista’ ikun trattat bħala attakk terroristiku

L-isparatura seħħet f’kumpless magħruf bħala Fields Mall u l-persuni li kienu fuq il-post, wara, irrakkuntaw dwar il-paniku fost in-nies li kienu fil-kumpless mal-ħin tal-attakk, b’ħafna minnhom jitilqu jiġru ‘il barra malli semgħu l-isparar.

L-attakk seħħ fiċ-ċentru tal-kumpless li jinkorpora għexieren ta’ ħwienet u ristoranti, b’uħud min-nies li raw l-aggressur jaqblu li hu kien armat b’azzarin li jintuża għall-kaċċa.

S’issa hu kmieni wisq biex wieħed jagħti ċ-ċifra eżatta tal-mejtin u midruba f’dan l-attakk iżda l-awtoritajiet Daniżi huma konvinti li ma kien hemm l-ebda aggressuri oħra involuti ħlief ir-raġel li qed jinżamm taħt arrest.

L-isparatura saret ftit tal-ħin biss qabel il-bidu ta’ kunċert tal-kantant Britanniku Harry Styles, f’ċentru tad-divertiment ta’ Copenhagen li hu anqas minn mil ‘il bogħod mill-Fields Mall. L-aħħar rapporti qalu li l-kunċert kien se jsir xorta waħda fost il-kooperazzjoni mill-qrib tal-organizzaturi mal-pulizija Daniża