Internazzjonali

Stati Uniti: Tliet pulizija maqtula fost l-isparaturi f’Kentucky

Tliet pulizija tilfu ħajjithom minn tiri li kienu sparati lejhom meta l-istess pulizija kienu qed jarrestaw raġel suspettat dwar vjolenza domestika. Kien ikkonfermat ukoll li ndarbu talanqas erba’ persuni fost l-isparaturi li damu għal kważi tliet sigħat.

Il-każ seħħ fl-Istat ta’ Kentucky matul il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd, bl-awtoritajiet jidentifikaw lill-vittmi bħala Ralph Frasure li kien ilu fis-servizz għal 39 sena, William Petry u Jacob Chaffins. Dan tal-aħħar kellu kelb tal-Pulizija miegħu li wkoll spiċċa maqtul fl-isparatura.

Intant, uffiċjali oħra tal-pulizija li marru fuq il-post tad-delitt  arrestaw raġel ta’ 49 sena bl-isem Lance Storz li fl-aħħar ħinijiet kien qiegħed jgħin l-istħarriġ tal-pulizija.

L-arrest seħħ wara minuti ta’ tensjoni kbira u wara li l-pulizija flimkien ma’ qraba ta’ Storz, irnexxielhom jikkonvinċu lis-suspettat biex iċedi.