Wieħed mill-Ġenerali ewlenin tal-qawwiet tal-Istati Uniti qal li għalkemm ma jidhirx li ċ-Ċina qed tħejji biex tattakka ‘dalwaqt’ lit-Tajwan, is-sitwazzjoni tirrikjedi biex l-Amerikani jsegwu l-iżviluppi ‘bl-akbar attenzjoni’.
Il-Ġeneral Mark Milley qal li ċ-Ċina qed tiżviluppa l-kapaċità biex tattakka lit-Tajwan ‘fi żmien partikulari’ iżda d-deċiżjoni għal attakk għandha tiddependi minn għażla politika speċifika tal-Gvern komunista f’Beijing.
Iċ-Ċina ilha s-snin tinsisti li t-Tajwan hu provinċja ribelluża tagħha waqt li qed tirriserva d-dritt li tieħu lura dan it-territorju bil-forza, f’każ li neċessarju.
Beijing anki akkuża lill-Istati Uniti b’li qed tappoġġja l-indipendenza tat-Tajwan u fl-aħħar ġimgħat kien hemm ukoll eskalazzjoni sinifikanti ta’ tensjoni bejn iċ-Ċina u Washington.
Dan waqt li ċ-Ċina bagħtet kwantità kbira ta’ ajruplani tal-gwerra fiz-zona għad-difiża tal-ajru tat-Tajwan; bil-bastimenti tal-qawwiet navali tal-Istati Uniti jbaħħru direttament fl-ibħra tat-Tajwan.
Intant, iċ-Ċina akkużat lill-Istati Uniti b’li qed tindaħal ‘fl-affarijiet interni tagħha’ u wissiet li ‘mhix se żżomm lura minn intervent militari biex twaqqaf lit-Tajwan milli jiddikjara l-indipendenza b’mod formali’.
//= $special ?>

