Lokali

Tkompli tikber ir-rabja ta’ bosta residenti Beltin

Tkompli tikber ir-rabja ta’ bosta residenti Beltin wara l-Legal Notice li daħlet fis-seħħ ftit tal-jiem ilu… hekk kif il-Gvern kommess illi ma jiċċaqlaqx mill-pożizzjoi tiegħu u għalhekk mhux se jwaqqaf din il-liġi li permezz tagħha, il-mużika fil-belt kapitali tibqa’ tindaqq sas-siegħa ta’ filgħodu.

Nhar il-Ġimgħa, il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo għamilha ċara li fil-Parlament se jkun qed jivvota favur li din il-Legal Notice tibqa’ fis-seħħ… risposta li qajmet bosta reazzjonijiet fuq il-media soċjali.

Fil-fatt, kienu bosta dawk li kkummentaw li issa li għaddiet l-elezzjoni ġenerali… il-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela kif ukoll id-Deputati Laburista li ġew eletti, mhux jagħtu każ lin-nies għax prattikament m’għadx għandhom bżonn il-voti tagħhom.

B’oħrajn jikbtu li Bartolo qed jirreaġixxi b’dan il-mod għax il-mużika mhux qed tindaqq wara daru.

Uħud qalu illi jidher ovvju li l-Ministru huwa kontra r-residenti Beltin. Kumment partikolari jgħid li din hija waħda mill-ikbar problemi li għandu pajjiżna fejn iż-żgħir dejjem jaqla’ fuq rasu u l-kbir dejjem jiġi aġevolat.

Kumment ieħor tefa’ dawl fuq it-tħassib ta’ dawk ir-residenti Beltin li ta’ kuljum iridu jqumu kmieni għax-xogħol u fuq dawk l-anzjani li jkunu jridu jistrieħu.

Persuna oħra kitbet li Malta spiċċat qisha Ibiża – kuljum nisimgħu b’xi ġlieda u saħansitra anke mwiet, kulħadd isuq bl-adoċċ  kulħadd jagħmel li jrid… pajjiż bla kontroll.

Però jidher li dawn l-ilmenti kollha qed jaqgħu fuq widnejn torox għax il-Gvern jidher li se jibqa’ għaddej bid-deċiżjoni tiegħu hekk kif din il-liġi tal-mużika fil-Belt jidher li se tibqa’ fis-seħħ.