Sport Waterpolo

Tpattija sportiva minn Spanja … Champions tad-Dinja tal-Waterpolo wara 21 sena

(Ritratt: FINA)

Rapport: Stewart Said

It-tim nazzjonali Spanjol hu r-rebbieħ tal-Kampjonat tad-Dinja tal-Waterpolo organizzat mill-FINA. Fil-finali milgħuba fl-Ungerija, għelbu lit-tim nazzjonali Taljan bl-għoti tal-penalties wara li l-logħba ntemmet 9-9 fil-ħin regolamentari.

Dan hu t-tielet suċċess ta’ Spanja f’din il-kompetizzjoni u l-ewwel wieħed mill-2001. Ir-rebħa tfisser ukoll tpattija sportiva wara li fl-aħħar edizzjoni, Spanja tilfet il-finali kontra l-istess Italja. Fuq in-naħa l-oħra, l-Italja, tilfet l-okkażjoni li tirbaħ il-kompetizzjoni għal rekord ħames darbiet.

Ir-riżultat finali tal-ħin regolamentari jista’ jitqies ġust. Spanja kienet aħjar fl-ewwel żewġ sessjonijiet iżda l-Italja wettqet reazzjoni fl-aħħar żewġ sessjonijiet u bl-andament tal-logħba f’dak il-ħin, setgħet anki ħarġet rebbieħa kieku kien fadal aktar ħin.

L-ewwel sessjoni ntemmet 3-3, bl-Italja tirkupra żvantaġġ doppju. Spanja skorjat tlieta mingħajr risposta fit-tieni sessjoni u sa nofs il-logħba kellha vantaġġ tajjeb ta’ 6-3, li sa dak il-ħin kien meritat.

Id-distakk kiber għal erba’ gowls fil-bidu tat-tielet sessjoni u l-logħba dehret għat-telgħa għat-tim Taljan. Iżda t-tim ta’ Sandro Campagna beda jirkupra u sa tmiem is-sessjoni naqqas id-differenza għal 8-6. Dan id-distakk sparixxa fl-aħħar sessjoni, bit-Taljani jirnexxilhom ikunu sodi fid-difiża biex setgħu jġibu l-iskor 9-9.

Kollox kellu jkun deċiż bl-għoti tal-penalties. Wara l-ewwel ħames penalties, it-tnejn kienu fallew darba kull wieħed. Wara li l-istess plejers reġgħu bdew jagħtu l-penalties, deċiżiv kien it-tieni penalty li falla Giacomo Cannella.