Sport Waterpolo

Appuntamenti internazzjonali għar-referees Maltin Stefan Licari u Peter Balzan

(Ritratt: Joseph Galea)

Artiklu: Stewart Said

Aktar appuntamenti internazzjonali għar-referees Maltin tal-waterpolo. Proprju bejn ilbieraħ u l-Erbgħa li ġej, ir-referee Peter Balzan jinsab impenjat fl-Italja bħala parti mill-grupp ta’ referees li se jikkontrollaw il-fażi finali tal-kampjonat Taljan ta’ taħt it-18-il sena.

L-ewwel impenn ta’ Balzan kien ilbieraħ flimkien mat-Taljan Luca Bianco fil-partita bejn Acquachiara Ati 2000 u Posillipo. B’kollox hemm tmien timijiet parteċipanti, bit-timijiet l-oħra fil-grupp huma Pro Recco, Brescia filwaqt li fit-tieni grupp hemm Iren Genova Quinto, San Mauro, Roma Vis Nova u RN Savona. Il-logħbiet kollha qed jintlagħbu f’Monterotondo, post li jagħmel parti minn Ruma.

Aktar tard dan ix-xahar, preċiżament bejn il-11 u l-14 ta’ Lulju, ir-referee Stefan Licari se jmur Avezzano fil-provinċja ta’ L’Aquila biex ikun parti mill-grupp ta’ referees għall-fażi finali tal-kampjonat Taljan ta’ taħt is-16-il sena. It-timijiet li se jieħdu sehem huma Iren Genova Quinto, Palermo Nuoto, Roma Vis Nova, Alma, Bogliasco, Posillipo, Lazio Nuoto u Roma Zero9 Team.

Dawn il-ħatriet ikomplu mal-esperjenzi tal-uffiċjali Maltin matul din is-sena. Fi Frar li għadda, Balzan u Massimo Angileri kkontrollaw logħbiet mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-irġiel u n-nisa.

F’Marzu, Ronnie Spiteri kien wieħed mir-referees fil-logħba bejn Olympic Roma u SC Tuscolano mill-kampjonat Taljan A2 u Peter Balzan ikkontrolla l-logħba mill-Kampjonat Taljan A1 bejn Brescia u Salerno.

Imbagħad f’April, Massimo Angileri u Ronnie Spiteri saru l-ewwel żewġ referees Maltin li kkontrollaw flimkien logħba mit-Tieni Diviżjoni Taljana. Fl-istess xahar, ir-referee Neville Mercieca kien parti mill-grupp ta’ referees li kkontrollaw logħbiet mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena.