Lokali

€519,721 miġbura fil-Maratona Solidarjetà u Sport b’risq l-Id-Dar tal-Providenza

Inġabret is-somma ta’ €519,721 fit-12-il Edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball li bdiet il-Ġimgħa spiċċat f’nofsillejl tal-Ħadd. Il-plejers għaddew minn 53 siegħa ta’ volleyball f’t-temperaturi għoljin fil-gżejjer Maltin. Dun Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, kellu kliem ta’ ringrazzjament u qal li din il-maratona kienet tassew maratona ta’ solidarjetà u sport.

Qal li l-ispirtu altruistiku rifless fin-numru ta’ plejers u voluntiera li ħadu sehem ma kien xejn ħlief stampa sabiħa tal-Maltin u l-Għawdxin li tista’ tinstab fuq quddiem fejn tidħol is-solidarjetà. Irrefera għall-aħħar sentejn meta la l-Maratona tal-Volleyball u lanqas tant attivitajiet oħra ta’ ġbir ta’ fondi ma setgħu jsiru minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Issa li sejrin lura għan-normalità, din il-Maratona fetħet il-kalendarju ta’ ġbir ta’ fondi li huma tant meħtieġa biex id-Dar tkompli tagħti servizzi residenzjali tal-ogħla kwalità. Waqt il-bidu uffiċjali tal-Maratona tal-Volleyball il-Ġimgħa filgħaxija, il-President ta’ Malta, George Vella semma l-ħidma li ssir kuljum mid-Dar tal-Providenza li għadha qed tagħmel dan bl-istess enerġija u determinazzjoni tal-fundatur tagħha Mons. Mikiel Azzopardi.

Il-President qal li l-maratona hija okkażjoni li fiha n-nazzjon Malti jingħaqad bħala wieħed biex bid-donazzjonijiet tiegħu jipprovdi lir-residenti tad-Dar tas-Siġġiewi dak kollu li għandhom bżonn għall-aqwa kwalità ta’ ħajja li wara kollox huwa dritt tagħhom.

Il-Ħadd filgħodu, Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi kkonċelebra Quddiesa ma’ Dun Martin fil-kappella tad-Dar. Fl-omelija tiegħu, qal li d-Dar hija ċelebrazzjoni ta’ mħabba. Semma tliet aspetti ta’ dan il-messaġġ, l-ewwel wieħed huwa l-aċċettazzjoni tal-ħajja mill-konċepiment tagħha mingħajr ma ħadd ma jiddeċiedi jekk għandhiex titħalla tgħix jew tintrema.

It-tieni ċelebrazzjoni hija dik tal-inklużjoni fejn kull bniedem iħossu parti bis-sħiħ mis-soċjetà u fl-aħħar ċelebrazzjoni ta’ solidarjetà ma’ persuni b’diżabbiltà li għandhom bżonn kbir ta’ appoġġ. Dawn kollha huma sinonimi mad-Dar tal-Providenza mwaqqfa minn Mons. Mikiel Azzopardi 57 sena ilu.

Minbarra l-40 plejer li kienu l-protagonisti ewlenin tal-maratona, kien hemm madwar 200 voluntier li għenu waqt l-avveniment. Kull filgħaxija kien hemm divertiment mużikali fuq il-palk prinċipali, stands tal-ikel u logħob għat-tfal. Il-Maratona kienet imxandra diretta f’diversi ħinijiet fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali ewlenin.

Idħol f’din il-link biex tara l-appell tal-Kap tal-PN, Bernard Grech matul il-maratona: