Sport Sport Ieħor

Finalment is-Sibt li ġej tirritorna r-Regatta taż-żgħażagħ fil-Bajja tar-Rinella

(Ritratt: TCM Photography)

Artiklu: Stewart Said

Wara nuqqas ta’ tliet snin, is-Sibt 9 ta’ Lulju mistennija tirritorna r-Regatta taż-żgħażagħ. Din il-kompetizzjoni ġiet ikkanċellata fl-aħħar sentejn kawża tal-pandemija tal-Covid-19. Fl-2020 kien għadu fis-seħħ l-Avviż Legali li kien jipprojbixxi l-attivitajiet sportivi filwaqt li s-sena l-oħra ma saritx minħabba li skont l-Awtorità tas-Saħħa, l-attività kienet se toħloq il-folol.

Minħabba li nqabżu l-aħħar żewġ edizzjonijiet, l-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor ħasset li din id-darba l-kompetizzjoni tkun għal dawk taħt l-20 sena. Id-deċiżjoni ttieħdet biex dawk li fl-aħħar sentejn ma setgħux jipparteċipaw, ma jitilfux l-opportunità.

L-ewwel tellieqa fil-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara tibda fit-3.30pm. Fatt interessanti se jkun li minn din is-sena se tidħol fil-programm, it-tellieqa tal-Barklori jew aħjar tellieqa b’qaddief wieħed fuq l-opri tal-baħar. Il-proposta li ġiet aċċettata, saret mis-Segretarju tal-Għaqda Joseph Long u kienet sekondata minn Marsamxett.

Tellieqa oħra li se tkun fil-programm u ma tagħmilx parti mix-Shield hi t-tellieqa tan-nisa bil-frejgatini. Għal dawn it-tlielaq xorta se jkun hemm trofew abbinat li jinżamm sal-edizzjoni sussegwenti.

It-taqtigħa għax-Shield se tkun fuq ħames tlielaq, jiġifieri Tal-Pass b’erba’ mqadef (ir-rebbieħa jieħdu l-istess punti bħat-tellieqa Tal-Midalji), Frejgatini, Tal-Pass b’żewġ imqadef, Kajjikki u Tal-Pass b’erba’ mqadef. Id-distretti parteċipanti huma s-soliti jiġifieri Birżebbuġa, Bormla, il-Birgu, l-Isla, il-Kalkara, il-Marsa, Marsamxett filwaqt li s-Siġġiewi mhux se jieħdu sehem fit-tlielaq kollha.