Internazzjonali

F’OHIO: Żagħżugħ iswed maqtul b’60 tir ta’ armi tan-nar

Il-komunità fl-Istat ta’ Ohio tinsab ixxukjata wara l-pubblikazzjoni ta’ video illi wera kif Jayland Walker – żagħżugħ iswed ta’ 25 sena – inqatel b’aktar minn 60 tir li ġew sparati mill-Pulizija.

Il-każ imur lura għas-27 ta’ Ġunju li għadda, meta l-karozza ta’ Jayland Walker twaqqfet mill-Pulizija għal spezzjoni.

Il-filmati li ġew imxandra juru persuna ħiereġ mill-karozza u jiġri lejn parkeġġ, bl-uffiċjali tal-Pulizija jiġru warajh għal ftit sekondi qabel ma bdew jisparaw.

Il-Pulizija temmen li Jayland Walker spara l-ewwel tir u kien biss wara li bdew jisparaw fuqu. Il-vittma jidher li ma kienx armat meta ħareġ mill-karozza, iżda qed jingħad illi nstabet arma tan-nar fil-vettura tiegħu.

Bħalissa, għaddejja investigazzjoni dwar din it-traġedja filwaqt li l-Pulizija ta’ Akron fetħu investigazzjoni interna sabiex jaraw jekk l-uffiċjali kisrux ir-regoli tal-Korp.

L-avukat tal-familja Walker qalet li l-uffiċjali tal-Pulizija komplew jisparaw saħansitra anke wara li l-vittma kien mixħut mal-art u bil-manetti, flok tawh l-ewwel għajnuna.