Lokali

“Il-Gvern mhux jismagħna” – residenti Beltin dwar l-avviż legali dwar il-mużika

“Iddiżappuntajtuna.”

Kienet din l-għajta ta’ numru ta’ residenti Beltin quddiem il-Parlament hekk kif il-Ministri kienu deħlin għas-seduta tat-Tnejn. Dan wara l-avviż legali li daħal fis-seħħ ftit tal-jiem ilu dwar il-ħin li fih għandha tindaqq il-mużika fil-Belt Valletta.

Minkejja t-talba li saret biex il-Gvern jisma’ l-kritika ġusta li qed issir, il-Ministri ta’ Robert Abela ftit li xejn taw każ l-ilmenti… filwaqt li baqgħu deħlin dritt fil-Parlament.

Numru ta’ residenti li nġabru fuq barra tal-Parlament staqsew b’mod sarkastiku lill-Ministri Laburisti jekk humiex parti minn Gvern li jisma’ – għajta li issa sfumat fix-xejn.

“Il-kwistjoni hux qiegħed jisma’? Ċertament mhux lir-residenti!” qal wieħed mir-residenti ma’ Net News.

Dan l-Avviż Legali dwar il-mużika fil-Belt se jkun qed jaffetwa mit-tfal, għall-istudenti, ħaddiema, anzjani u saħansitra morda… li mhux se jkunu jistgħu jistrieħu fi djarhom stess. Anzjana qaltilna kif il-mużika sal-11pm diġa’ hi ż-żejjed, aħseb u ara jekk il-mużika għolja tispiċċa tibqa’ għaddejja għal sagħtejn oħra.

“Bgħatna diversi emails biex il-Gvern jikkunsidra t-talba tagħna, imma s’issa ġejna injorati u qalulna li bħallikieku qatt ma rċivewhom,” qalilna wieħed mir-residenti.

Ir-residenti saħqu kif wieħed ma jridx jikkonsidra biss li l-mużika tieqaf fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, iżda wkoll il-fatt li s-sidien, bla ma jridu, jispiċċaw jagħmlu iktar storbju biex inaddfu, jgħalqu u joħorġu ‘l barra l-iskart biex ftit tal-ħin wara jasal it-trakk taż-żibel. Huma saħqu li meta tikkonsidra dan kollu, ir-residenti bilkemm se jirnexxilhom jorqdu tliet sigħat.

Dwar din il-deċiżjoni li l-mużika fil-Belt tibqa’ tindaqq sas-1am minflok sal-11pm hemm tħassib kbir mhux biss fost ir-residenti iżda wkoll is-sidien ta’ lukandi. Avviż Legali li wara kollox qed ikun meqjus bħala l-kaġun li l-Belt Kapitali se titlef parti mill-identità tagħha… speċjalment mat-turisti.

Kien għalhekk li qed isiru l-appelli biex is-sens komun jirrenja sabiex nissalvagwardjaw il-Belt tant għal qalb ħafna.

Ritratti: Martin Agius