Lokali Parlament

Il-gvern se jġib lill-Belt fuq l-istess livell ta’ Paceville, Buġibba u l-Qawra

Mario de Marco, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li permezz tal-avviż legali dwar il-ħinijiet tal-mużika fil-Belt, il-gvern se jġib lill-Belt fuq l-istess livell ta’ Paceville, Buġibba u l-Qawra.

Fil-parlament Mario de Marco qal li d-deputati Laburista tal-ewwel distrett urew nuqqas ta’ interess f’dan id-dibattitu u sostna li jekk il-Belt hi diġà ħajja llum m’hemmx interess li bla konsultazzjoni, il-gvern idaħħal ir-regoli biex il-mużika ddum sas-1 a.m.

Hu qal li dawn ir-regoli ma jestendix biss iddaqq tal-mużika iżda li dan ikun permess f’postijiet kollha kummerċjali u mhux għal skopijiet ta’ attivitajiet kulturali. Ir-regoli issa jispeċifikaw li l-postijiet kummerċjali se jitħallew jestendu l-ħinijiet tax-xogħol sas-2 a.m. jew kull ħin awtorizzat minn permess validu ieħor. Dan ifisser li għal postijiet kummerċjali, il-gvern jestendi l-ħinijiet tal-ftuħ sa wara s-2 a.m. kif isir f’Paceville.

Skond ir-regoli l-volum tal-mużika għandu jiżamm f’livell moderat wara l-11 a.m. iżda qabel l-volum jista’ jkun f’livell mhux moderat. Fuq ġewwa se tkun tista’ tindaqq mużika wara s-1 a.m?

Id-deputat Nazzjonalista kompla li fl-avviż legali hemm speċifikat li l-Belt se tinġieb bħal Paceville, Buġibba u l-Qawra. Il-gvern ma tkellem ma’ ħadd mir-residenti qabel se jdaħħal dawn ir-regoli ġodda.

Mario de Marco appella biex ma jitwarrbux ir-residenti għaliex dawn jitilqu mill-belt li hi tagħhom. Belt bla residenti hi belt mejta u ssir presepju, sostna Mario de Marco, li kompla li l-Belt għandha tkun ħajja bir-residenti għaliex din hi darhom.

Dwar l-aspett kulturali, Mario de Marco qal li għall-gvern Nazzjonalista l-Belt kienet waħda speċjali u kellu viżjoni għall-Belt. Hu sellem lill-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi li reġa’ fetaħ diskussjonijiet mal-Perit Renzo Piano kien beda l-proġett ta’ riorganizzazzjoni tal-Belt. Hu sellem ukoll lil Ray Bondin, li kien Chairman tal-Kumitat għar-Riġenerazzjoni tal-Belt, li bdiet minn żmien Eddie Fenech Adami.

Gvernijiet Nazzjonalisti rrestawra l-palazzi, is-swar, il-knejjes, l-introduzzjoni taż-żoni pedonali fil-Belt u kien hu li rrestawra u mmodernizza Pjazza San Ġorġ flimkien mal-proġett ta’ Sant’Iermu. Kien Gvern Nazzjonalista li ħoloq il-Muża fl-2012 u li ġab l-approvazzjoni tal-l-Belt Kapitali Ewropea. Kien Gvern Nazzjonalista li daħħal diversi attivitajiet kulturali fil-Belt.

Mario de Marco qal li l-operaturi turistiċi jsostnu li l-aċċessibbiltà, ir-riklamar u l-prodott huma fundamentali u sostna li l-PN jemmen li l-prodott tal-Belt hu differenti mill-prodott ta’ destinazzjonijiet oħra tal-pajjiż. L-MHRA sostnew li l-Belt għandha tkun destinazzjoni ta’ valur għoli, sostna Mario de Marco, li semma’ l-fondi li ġab Gvern Nazzjonalista għall-Belt.

Fil-pajjiż hawn problema ta’ infurzar u l-biulanċ mhux se jinstab, sostna Maro de Marco, li qal li kien għalhekk li l-MDA u l-MHRA ħarġu kontra dawn ir-regoli.