Lokali Saħħa

Il-PN se jivvota favur l-abbozz tal-IVF wara l-emendi mressqa mill-Partit Nazzjonalista

B’referenza għal rapporti fil-mezzi tax-xandir dwar jekk għandux jingħata free vote għall-vot dwar l-emendi għall-Abbozz dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun, qegħdin nikkonfermaw li kif diġà qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, fi tliet laqgħat tal-Grupp Parlamentari li saru nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Ġunju 2022, nhar it-Tlieta 14 ta’ Ġunju 2022 u nhar it-Tnejn 27 ta’ Ġunju 2022 u li matulhom ġie diskuss l-imsemmi abbozz ta’ liġi, l-ebda Membru Parlamentari elett f’isem il-Partit Nazzjonalista ma ressaq talba biex jingħata free vote.

Nikkonfermaw ukoll li fil-laqgħa ta’ nhar it-Tnejn 27 ta’ Ġunju 2022, il-Grupp Parlamentari ddeċieda li jivvota favur l-imsemmi abbozz ta’ liġi kif imtejjeb wara l-emendi mressqa mill-Partit Nazzjonalista.

L-istatut tal-Partit Nazzjonalista jipprovdi li huwa biss il-Grupp Parlamentari li jista’ jiddeċiedi li fuq kwistjonijiet li jinvolvu l-konvinzjoni tal-kuxjenza jew twemmin, il-Membri tiegħu jitħallew jivvutaw b’mod liberu fil-Parlament. Għalhekk kwalunkwe talba li setgħet saret wara u barra mil-laqgħat tal-Grupp Parlamentari nkluż fuq il-mezzi soċjali, mhumiex skont dak li jipprovdi b’mod ċar l-istatut tal-Partit Nazzjonalista.