Lokali Qorti Saħħa

Il-Qorti tgħid li l-MUMN tista’ tibqa’ għaddejja bid-direttivi fl-isptarijiet

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa jrid isib soluzzjoni għal problema ta’ nuqqas ta’ infermieri

Għandu jkun il-Gvern u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa li jsibu soluzzjoni għal problema ta’ nuqqas ta’ infermieri fl-isptarijiet lokali.

Dan intqal mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey hekk kif il-Prim Awla tal-Qorti ċaħdet it-talba tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, Joseph Chetcuti…sabiex iwaqqaf lill-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel milli tieħu azzjonijiet industrijali fl-isptarijiet.

Dan wara li l-istess MUMN lura fid-9 ta’ Ġunju bagħtet ittra lill-Ministeru tas-Saħħa fejn infurmatu li kienet qed tħabbar diversi direttivi lill-membri tagħha kawża ta’ tilwima industrijali….bl-MUMN tisħaq li ġiet infurmata li d-diskussjonijiet rigward ftehim settorjali mal-infermieri u l-qwiebel ma kienux se jseħħu.

L-MUMN kompliet tgħid ukoll…jum wara l-ieħor, li n-nuqqas ta’ infermieri qed ikun ta’ detriment għal pazjenti Maltin u Għawdxin…filwaqt li insistiet li l-Gvern ma kien qed jagħmel assolutament xejn għajr li jressaqhom il-Qorti.

Dan filwaqt li l-Ministeru mmexxi mill-Ministru Chris Fearne kien insista li tali azzjonijiet industrijali kienu se jpoġġu f’riskju s-servizzi tas-saħħa.  

Madanakollu, wara li sema ż-żewġ naħat, l-Imħallef Spiteri Bailey insista li kellu jkun is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-saħħa li jsib soluzzjoni għal din il-problema…għaliex il-pazjent diġà mhux qed ikun moqdi b’mod xieraq minħabba n-nuqqas ta’ staff.

Minkejja kollox huwa stqarr li filwaqt li jifhem l-pożizzjoni tal-MUMN huwa insista mal-unjin sabiex tassigura li toffri s-servizz essenzjali lill-pazjenti.