Lokali Parlament

Inkonvinjenti kbar għar-residenti tal-Belt

Paula Mifsud Bonnici, PN

Id-deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet li r-regoli li l-gvern irid idaħħal biex ikun permessibbli li tindaqq mużika sal-1 a.m. fil-Belt se joħolqu inkonvinjenti kbar għar-residenti.

Fil-parlament Paula Mifsud Bonnici qalet li l-gvern mhux jikkunsidra lir-reidenti u ma jisma’ minn ħadd u xejn. Dan hu gvern arroganti li poġġa l-avviżi legali fis-seħħ bla konsultazzjoni. Il-gvern injora wkoll kunsill lokali tiegħu stess; wara kollox il-PL dejjem kien kontra vuċi u leħen għall-kunsilli lokali.

Is-deputat Nazzjonalista sostniet li l-gvern ma jafx x’jiġifieri tgħix fil-Belt u qalet li fil-Belt hemm ħafna problemi minbarra l-mużika. Id-deputati Laburisti lanqas biss tkellmu fuq din il-mozzjoni fil-parlament. In-nies li jmorru fil-Belt ma jridux Paceville ieħor iżda jridu atmosfera partikolari.

Paula Mifsud Bonnici kompliet li l-Prim Ministru qal li diġa intlaħaq bilanċ u l-Ministru tat-Turiżmu jiddikjara li se jivvota kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li r-residenti Beltin qed joġġezzjonaw għal dawn ir-regoli u sostniet li d-deputati Laburisti tal-ewwel distrett ma kelhomx il-kuraġġ li jmorru l-parlament u jitkellmu.

L-istess għamel il-Kunsill Lokali tal-Belt li ma tkellimx favur ir-residenti. Il-popolazzjoni tal-Belt hi ta’ iktar minn 5,000 u hemm 4,200 votant; il-gvern qed jinjora lil dawn in-nies kollha u jassigura biss il-vot tiegħu billi juża l-calculator.

Hi semmiet l-anzjani li jgħixu l-Belt u qalet li l-Gvern qed jibgħat messaġġ li ma jimpurtahx minnhom. Fil-Belt hemm 1,912 persuna li għandhom iktar minn 60 sena.

Paula Mifsud Bonnici spjegat li r-regoli ġodda se jkunu mifruxa fuq il-ġranet kollha tal-ġimgħa u mhux fi tmiem il-ġimgħa biss. Dan se jikkaġuna inkonvinjent kbir għar-residenti. Dwar il-livelli tal-mużika, Mifsud Bonnici qalet li l-fatti huma li l-pulizija m’għandhomx ir-riżorsi biex jaraw li l-livell tal-mużika hu moderat. Fil-verità r-residenti jibżgħu jirrapportaw dawn is-sitwazzjonijiet.