Coronavirus Ekonomija Lokali

Jikkunsidraw l-obbligu tal-maskri wara li l-Covid reġa’ qed iħarbtilhom in-negozji

Iż-żieda fil-każijiet tal-Covid f’pajjiżna reġgħu qed iħarbtu l-operat tan-negozji Maltin. Dan hekk kif diversi impjegati qed joħorġu bis-sick leave b’riżultat li l-uffiċini u l-ħwienet qed jispiċċaw m’għandhomx biżżejjed ħaddiema biex jaħdmu ġurnata ta’ xogħol normali.

Fid-dawl ta’ dan, numru ta’ operaturi li tkelmu mal-gazzetta Times of Malta qalu li qed jikkunsidraw li jerġgħu jintroduċu l-obbligu tal-ilbies tal-maskri fuq il-post tax-xogħol kemm għall-ħaddiema u anke għall-klijenti biex b’hekk inaqqsu t-tixrid tal-virus. Jekk dan isir, huma se jkunu qed jagħmluh b’mod volontarju u mhux fuq rikomandazzjoni tal-Awtorità tas-Saħħa.

Fost dawk in-negozji li qed ikunu affetwati hemm dawk fis-settur tat-turiżmu li tant qed jaraw nuqqas drastiku ta’ ħaddiema li qed ikollhom, iridu jew ma jridux, inaqqsu l-operat tagħhom b’mod temporanju. Madanakollu, dan ifisser li qed inaqqsu s-servizzi tagħhom fl-iktar żmien li jilqa’ turisti f’pajjiżna.

Dan filwaqt li din is-sitwazzjoni qed iżżid mal-problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’diversi industriji… liema problema ilha fis-seħħ għal diversi snin iżda jidher li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ jitfagħha taħt it-tapit.