Lokali

L-MDA tappella lill-Gvern biex isib soluzzjoni mal-uffiċjali tal-LESA

Tikber il-pressjoni fuq il-Ministru Byron Camilleri sabiex isib soluzzjoni mal-uffiċjali tal-LESA.

Dan hekk kif l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin appellaw lill-awtoritajiet sabiex isibu soluzzjoni imminenti dwar l-istrajk tal-uffiċjali tal-LESA ordnati mill-General Workers Union.

L-MDA spjegat li dawn id-direttivi qed ikollhom konsegwenzi severi fuq il-membri tagħha u tal-proġetti li għaddejjin.

Fl-istess waqt l-MDA saħqet li qed tikkunsidra x’toroq legali jistgħu jieħdu l-membri tagħha sabiex ikomplu bil-proġetti tagħhom….la darba l-Gvern jibqa’ jfalli milli jsib soluzzjoni adegwata.

Ġie spjegat li l-MDA qed tkun sforzata li tieħu dawn l-azzjonijiet hekk kif l-awtoritajiet fallew milli jsibu soluzzjoni b’rabta mal-azzjoni industrijali tal-LESA.

Dan, spjegat l-assoċjazzjoni, minkejja l-għexieren ta’ laqgħat li l-istess MDA għamlet mal-Gvern b’rabta ma’ dan il-każ fl-aħħar ġimgħat.

Fi stqarrija intqal li  kawża tad-direttivi tal-uffiċjali tal-LESA, il-membri tal-MDA spiċċaw iwaqqfu ħesrem il-proġetti tagħhom hekk kif l-awtoritajiet ma setgħux jipprovdulhom uffiċjali tal-LESA jew ta’ Transport Malta meta kien hemm il-bżonn li jingħalqu t-toroq jew jieħdu ħsieb it-traffiku fost oħrajn meta jkun hemm xi krejnijiet qed jaħdmu.

Dan hekk kif, sintendi minħabba d-direttivi l-LESA ma setgħux jagħtu s-servizzi tagħhom filwaqt li Transport Malta insistiet li ma kellhiex ir-riżorsi neċessarji.

L-MDA saħqet li mingħajr ma tidħol fil-leġittimità ta’ dawn id-direttivi, hija insistiet li l-membri tagħha ma jistgħux jibqgħu jsofru l-konsegwenzi.

Għaldaqstant qed jagħtu ultimatum ta’ ġimgħa biex il-Gvern isib soluzzjoni – jekk ma jintlaħaqx ftehim f’dan iż-żmien stipulat se jkunu qed jagħtu l-ordni lill-membri tal-Assoċjazzjoni biex ikomplu l-proġetti tagħhom b’mod normali….anke jekk ma jkunx hemm wardens.

L-MDA għal darb’oħra tenniet sabiex il-Gvern isib soluzzjoni xierqa….bil-piż tal-pressjoni inevitabbilment jiżdied fuq il-Ministru Byron Camilleri – hekk kif apparti l-istrajk tal-uffiċjali tal-LESA għandu quddiemu d-direttivi li qed isegwu l-Pulizija membri mal-POU u l-MPA li qed jappellaw għal kundizzjonijiet aħjar u t-tisħiħ tar-riżorsi umani. Dan kollu għad-detriment taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.