Internazzjonali

L-Ukrajna:  Il-qawwiet Russi jridu javvanzaw aktar ‘il ġewwa fid-Donbas wara l-aħħar suċċess militari

L-awtoritajiet Ukreni qalu li r-Russja, issa, qed taħseb biex taħtaf il-kontroll sħiħ fir-reġjun tad-Donbas wara l-aħħar suċċessi militari fl-inħawi ta’ Luhansk. Dan ukoll wara li t-truppi Ukreni ritaw lejn zoni oħrajn biex ikomplu bir-reżistenza kontra l-magna tal-gwerra tal-Kremlin.

Intant, l-aħħar disfatti militari għall-Ukreni bl-ebda mod ma jfissru li l-kumbattimenti fil-lvant tal-Ukrajna għandhom jieqfu ‘minn ħin għall-ieħor’.

Fl-istess ħin, l-istrateġisti militari f’Moska qed janalizzaw il-passi li jmiss wara li t-truppi Russi, fl-aħħar sigħat, ħatfu l-belt ta’ Lysychansk li tifforma parti mid-Donbas u li għandha sinifikat strateġiku sostanzjali.

Il-waqgħa ta’ Lysychansk kienet ikkonfermata wara li l-Ukreni, inizjalment, sostnew li kien għad fadal it-truppi Russi fl-inħawi. L-awtoritajiet Ukreni, issa, qalu li s-suldati tagħhom għażlu li jiritaw mill-belt biex ‘din ma tinqeridx kompletament mir-Russi’.

Min-naħa tiegħu, il-President tar-Russja, Vladimir Putin, bagħat messaġġ ta’ kongratulazzjoni lit-truppi tiegħu wara li huma, fi kliemu, ‘illiberaw’ il-belt ta’ Lysychansk. Hu tenna wkoll li t-taqsimiet tal-Armata tiegħu fir-reġjun għandhom ikomplu bil-battalji matul il-jiem li ħejjin.

Iżda minkejja li t-truppi Ukreni kienu kostretti li joħorġu minn Luhansk, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky ħalef li l-qawwiet tiegħu se jagħmlu minn kollox biex jieħdu lura l-kontroll f’dak ir-reġjun li jinkludi preżenza kbira ta’ separatisti li  jappoġġjaw lir-Russja. Zelensky mill-ġdid talab aktar armamenti mingħand il-Punent meta l-gwerra issa daħlet f’fażi partikularment delikata għal pajjiżu.

Sadanittant, ħarġu rapporti li l-qawwiet tar-Russja qed jippruvaw jibdew ‘l-attivitajiet amministrattivi’ f’ Severodonetsk – belt oħra fir-reġjun tad-Donbas – u wara li t-truppi Russi kienu ħatfu l-kontroll fl-inħawi lejn l-aħħar ta’ Ġunju. F’din il-belt, sa ftit ilu, kienu jgħixu xi 100,000 resident, iżda ħafna miċ-ċittadini spiċċaw ħarbu minn hemmhekk fl-aħħar ġimgħat tal-gwerra.