Lokali Turiżmu

“Malta saret għolja għat-turisti”

Smajna ħafna dwar iż-żieda fil-prezzijiet meta familja tmur tixtri minn ħanut għall-iktar affarijiet bażiċi. Iżda xi ngħidu għall-prezzijiet li bl-istess mod splodew meta wieħed jagħżel li joħroġ jiekol barra?

Il-gazzetta tal-General Workers’ Union IT-TORĊA irrappurtat kif saret kważi impossibli li tgħix ħajja komda filwaqt li tagħmel affarijiet li ma jitqiesux bħala neċessitajiet bażiċi.

Fil-fatt….dejjem skont l-istess gazzetta… koppja li marret tiekol f’kafetterija partikolari u ordnat biss affarijiet sempliċi – tnejn toast, kafe u ice tea – spiċċat tħallas kont ta’ €22.40.

U meta familja t’erbgħa għażlet ristoranti lokali, fejn ħadu tliet burgers u chips, pizza u erba’ luminata, il-kont ġihom €46.50… jiġifieri iktar minn għaxar ewro il-wieħed fiż-żewġ sitwazzjonijiet.

Persuni oħra qed jilmentaw li flixkun ilma żgħir ġieli kellhom iħalsu għalih €2.50… meta jekk tmur tixtri flixkun tal-istess daqs minn xi supermarket, prodott ta’ ditta partikolari jiswa biss 39c… jiġifieri differenza ta’ €2.11.

It-Torċa tgħid illi Malta saret għolja anke għat-turisti.

Minn naħa tagħhom, sidien ta’ ristoranti qed jinsistu li bħalma ż-żieda fil-prezzijiet affetwat lin-nies tad-dar, bl-istess mod qed taffetwa fix-xiri ta’ ikel għar-ristoranti… u dan wassal biex il-prezzijiet kellhom jgħolew għall-konsumatur.

Sidien ta’ ristoranti u gabbani fakkru illi ħafna min-negozji tagħhom ma jirrikjedux biss kok li jsajjar l-ikel iżda hemm numru ta’ ħaddiema u spejjeż oħra biex il-konsumatur ikollu l-ikel u x-xorb quddiemu fi ftit minuti. Hu għalhekk li l-konsumatur ma jkunx qed iħallas biss għall-prodott li qed jiekol u jixrob iżda wkoll tas-servizz li jkun qed jieħu.