Internazzjonali

Ukrajna: Pjan biex il-pajjiż jinbena mill-ġdid ‘wara l-burraxka tal-missili’

Il-mexxejja ta’ diversi pajjiżi, flimkien mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, qed jiltaqgħu f’’Lugano, fl-Iżvizzera, biex ifasslu pjan għall-bini mill-ġdid tal-Ukrajna.

L-impenn għar-rikostruzzjoni ta’ dan il-pajjiż qed ikun imxebbaħ mal-Marshall Plan – li kien tmexxa mill-Istati Uniti u li kien intiż għall-bini mill-ġdid tal-Ġermanja wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-konferenza ta’ jumejn qed tikkonċentra fuq roadmap ‘lejn Ukrajna ġdida’ u l-President Zelensky tenna li l-bini ta’ pajjiżu wara l-gwerra tirrikjedi l-impenn komuni tad-dinja demokratika.

Meta tkellem permezz ta’ videolink waqt il-konferenza, Zelensky tenna wkoll li r-rikostruzzjoni tal-ibliet Ukreni li tfarrku taħt il-missili tar-Russi għandha tkun l-akbar kontribuzzjoni lejn it-tisħiħ tal-paċi fuq livell globali.