Knisja Kultura Lokali

400 sena mill-ewwel purċissjoni bil-vara tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta

Din is-sena, il-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta, li tkun iċċelebrata kull sena nhar is-16 ta’ Lulju hija waħda speċjali, mhux biss għax qed tirritorna wara l-pandemija imma għax qed ikun iċċelebrat l-400 anniversarju minn meta saret l-ewwel purċissjoni tal-festa.

Il-festa kienet ilha tiġi ċċelebrata mill-1571 meta l-Patrijiet Karmelitani daħlu fil-Belt Valletta. Dak iż-żmien, il-festa kienet tkun iċċelebrata biss internament.

Madanakollu 400 sena ilu, twaqqfet l-Arċikonfraternità tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta u minn hemm bdiet issir ukoll il-purċissjoni u eventwalment il-festa esterna kollha.

Interessanti, kif tul dawn l-400 sena ta’ storja, il-purċissjoni ma saritx biss darbtejn, jiġifieri fl-1940 għax kienet għadha kemm faqqgħet il-Gwerra u fl-2021 minħabba l-pandemija.

Din is-sena wkoll, ġiet irrestawrata xbieha antika tal-Madonna tal-Karmnu li kienet tinħareġ fil-purċissjoni qabel saret il-vara li hemm illum. Ta’ min isemmi li din ix-xbieha li ġiet irrestawrata, kienet tinħareġ fil-purċissjoni tal-festa fi żmien il-Gwerra, hekk kif il-vara tal-lum il-ġurnata, kienet tinsab għall-kenn.

Il-purċissjoni li ssir kull sena nhar is-16 ta’ Lulju hija waħda mfittxija ħafna u mijiet jimxu wara x-xbieha għażiża tal-Madonna tal-Karmnu li toħroġ mis-Santwarju Bażilika tagħha fil-qalba tal-Belt Valletta.

Din is-sena, il-purċissjoni se tkun waħda speċjali wkoll hekk kif se tkun l-400 waħda u għalhekk ġew mistiedna jieħdu sehem fiha għadd ta’ fratellenzi, kemm Beltin u anke dawk Marjani mxerrda madwar Malta.