Internazzjonali

Arrestat rapper ta’ 22 sena, s-suspettat qattiel f’massakru waqt parata f’Chicago

Rapper ta’ 22 sena ġie arrestat fuq suspett li spara u qatel sitt persuni waqt parata tal-4 ta’ Lulju f’subborg sinjur ta’ Chicago. Robert ‘Bobby’ Crimo III ġie interċettat mill-Pulizija f’North Lake Forest, Chicago, wara s-7pm ħin lokali t-Tnejn filgħaxija meta l-Pulizija rat Honda Fit griża li huwa kien qed isuq.

Ritratti drammatiċi minn fuq il-post juru lis-suspettat qattiel tal-massa – li ppostja clips dwar massakri ta’ sparar onlajn – jinqabad u jiġi manettjat mal-art wiċċu ’l isfel mill-pulizija. Il-Pulizija qalu li Crimo fetaħ in-nar minn fuq bejt fuq folla li għall-ewwel ħasbet li l-ħoss ta’ tiri kien ġej mil-logħob tan-nar ta’ Jum l-Indipendenza.

B’kollox weġġgħu 26 vittma ta’ etajiet bejn it-tmienja u 85 sena, b’sitta għadhom qed jirċievu kura fl-isptar. Iż-żona għandha komunità Lhudija kbira, għalkemm il-pulizija għad trid tikkondividi il-motiv possibbli għall-massakru ta’ nhar it-Tnejn.

Crimo, li huwa miż-żona ta’ Highland Park li poġġa vidjows rap fuq l-internet bl-isem Awake. F’kanzunetta waħda, is-suspettat kiteb: ‘L-azzjonijiet tiegħi se jkunu qalbieni u l-ħsieb tiegħi mhux meħtieġ, naf x’għandi nagħmel, naf x’hemm, mhux għalija biss, iżda għal kulħadd.’

Il-kliem mgħobbi bil-konvinzjoni kien stabbilit għal tpinġijiet ta’ figura li kien qiesu Crimo, li deher jipponta xkubetta waqt li persuna tkun mimduda fuq l-art, u oħra żżomm idejha ’l fuq fl-arja. F’ħin minnhom, huwa jidher ‘bi clips ta’ gazzetti dwar il-qattiel ta’ l-eks President John F. Kennedy, Lee Harvey Oswald.

Qabel ma nqabad l-aġenti tal-FBI dehru jagħmlu tfittxija fir-residenza fejn is-suspettat allegatament jgħix ma’ missieru u zijuh. Crimo poġġa wkoll vidjows fuq YouTube li bosta minnhom kien fihom mużika maħluqa minnu stess, flimkien ma’ filmati inkwetanti li jikkumplimentaw it-tracks tiegħu.

Sadanittant żewġ uffiċjali tal-pulizija sfaw midruba waqt il-festi tar-Raba’ ta’ Lulju f’Philadelphia nhar it-Tnejn filgħaxija. L-isparatura seħħet ftit wara d-9.45 p.m. fi blokk ġewwa Spring Garden hekk kif il-logħob tan-nar kien għadu għaddej.