Lokali

Ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-Korp tal-Pulizija

Ilum saret iċ-ċerimonja tal-għoti ta’ ċertifikati u premjijiet lill-membri tal-Korp li ddistingwew ruħhom b’għemilhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom matul is-sena li għaddiet.

20 membru tal-Korp ingħataw ċertifikat ta’ kommendazzjoni u mertu bħala rikonoxximent tax-xogħol li wettqu matul is-sena 2021, fosthom uffiċjal li salva ħajja ta’ persuna li kienet qed tifga fl-ikel, pulizija li salvaw persuni li kienu se jagħmlu suwiċidju, u anke salvaw persuni li kienu se jegħrqu. Uffiċjali oħra ġew ippremjati talli kienu strumentali f’investigazzjonijiet kumplessi u lil min assista omm li sabet diffikultà biex twassal lill-binha għal appuntament lisptar, fost diversi atti oħra. 51 Pulizija tal-Komunità ingħataw ċertifikat ta’ rikonoxximent wara li ġew rikonoxxuti bil-“Premju Ħaddiem tas-Sena – Team tas-Sena” fuq bażi nazzjonali.

Is-Surġent Jessica Degiorgio, stazzjonata fid-Distrett ta’ Bormla ngħatat il-premju tal-Uffiċjal tas-Sena, għall-impenn, motivazzjoni, attitudni pożittiva u dedikazzjoni li turi sabiex taspira lill-kollegi tagħha. “Dan ir-rikonoxximent jimlieni b’aktar motivazzjoni sabiex inkompli naħdem, imma mingħajr l-għajnuna ta’ sħabi l-kollegi, żgur ma kienx possibbli. Il-messaġġ tiegħi huwa biex inkomplu naħdmu id f’id ħalli nkomplu mmexxu l-Korp tal-Pulizija ’l quddiem”, qalet is-Surġent Degiorgio.