Internazzjonali

Fl-Awstralja tifla ta’ tmien snin titlef ħajjitha minħabba kult reliġjuż

Elizabeth Struhs li kellha tmien snin tilfet ħajjitha f’Jannar li għadda fid-dar tagħha f’Brisbane wara li tħalliet mingħajr insulina għal ġimgħa sħiħa. Tnax-il persuna jinsabu arrestati minħabba din it-traġedja.

Il-ġenituri ta’ Elizabeth Struhs jagħmlu parti minn grupp reliġjuż żgħir fil-belt ta’ Toowoomba. Il-grupp kien jaf li s-saħħa ta’ din it-tifla kienet qed tiddeterjora u li ħajjitha waslet fit-tmiem pero xorta waħda baqgħu jippersistu milli jagħtuha l-medikazzjoni neċessarja.

L-awtoritajiet kienu nfurmati b’dan il-każ ġurnata wara li t-tifla ħalliet din id-dinja. Il-Pulizija qalet li qatt ma raw każ bħal dan fl-Awstralja. Il-familja estiża ta’ Elizabeth jinsabu xxukkjati bl-aħbar tal-mewt tagħha.

It-tnax-il persuna li ġew arrestati mistennija li jidhru l-Qorti din il-ġimgħa filwaqt li l-ġenituri ta’ Elizabeth se jidhru iktar tard f’Lulju.