Lokali

George Degiorgio jammetti li kien parteċipi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Wieħed mis-suspettati fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ammetta li kien parteċipi fil-qtil tagħha. George Degiorgio li kien akkużat li sploda karozza bomba li waslet għall-qtil ta’ Caruana Galizia, ammetta li kien parteċipi f’dan id-delitt f’intervista li saritlu ma’ ġurnalista tal-Aġenzija Reuters. Degiorgio qal li dalwaqt se jimplika lil persuni oħra li kienu qed jippjanaw sabiex joqtluha.

Fl-intervista, huwa qal li kien lest li jixhed li persuna politika ewlenija f’Malta kien diġà prova joqtol lil Caruana Galizia fi plot separat madwar sentejn qabel. Degiorgio qal ukoll li se joffri li jixhed dwar l-involviment ta’ żewġ eks Ministri għolja f’serqa bl-armati.

George Degiorgio qal lil Reuters li kien se jwieġeb ħati qabel jibda għaddej ġuri. Huwa indika li kien se jipprovdi xhieda biex jimplika lil ħaddieħor fil-qtil u fi plott preċedenti biex joqtol lill-ġurnalista. Il-motiv tiegħu kien li titnaqqas is-sentenza għalih innifsu u għal Alfred u biex jiżgura li ‘mhux se jkunu qed jinżlu waħedhom’.

L-ammissjoni tiegħu waslet wara li saru diversi tentattivi mill-Avukati ta’ Degiorgio sabiex huwa jingħata maħfra presidenzjali u jkun jista’ jikxef dak li jaf dwar persuni prominenti f’pajjiżna li kienu involuti f’dan il-qtil.

Ftit tal-jiem ilu, il-Qorti Maltija tal-Appell qalet li l-aħwa Degiorgio għandhom jitpoġġew taħt att ta’ akkuża u jibdew għaddejjin ġuri.

Reuters f’dan l-istadju qalet li mhux se tippubblika aktar dettalji ta’ dawn l-allegazzjonijiet jew issemmi l-individwi akkużati minn Degiorgio, li kollha ċaħdu kwalunkwe involviment f’xi reat. Qalet ukoll li l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u l-prosekuturi li qed jieħdu ħsieb il-każ tal-qtil irrifjutaw milli jikkumentaw fuq ir-rimarki ta’ Degiorgio.

Meta kien qed jitkellem fl-ewwel kummenti tiegħu mill-Ħabs, Degiorgio qal li kieku kien jaf iktar dwar Daphne Caruana Galizia, huwa kien jitlob iktar flus sabiex jagħmel dak li kien imqabbad jagħmel. Tant li qal li kien jitlob 10 miljun ewro u mhux 150,000 ewro biss biex joqtolha.

Meta kien qed jitkellem mal-ġurnalist tal-Aġenzija Reuters, George Degiorgio qal li għalih din kienet biċċa xogħol bħall-oħrajn… b’Degiorgio jistqarr li jiddispjaċih għal dak li għamel.