Lokali Parlament

Il-bdiewa u r-raħħala għandhom jingħataw l-aqwa servizzi veterinarji

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina appella fil-parlament biex il-Gvern jintroduċi l-korsijiet għall-veterinarji biex il-bdiewa u r-raħħala jingħataw l-aqwa servizzi veterinarji.

Toni Bezzina tkellem dwar l-importanza tar-raħħala u qal li hawn nuqqas ta’ veterinarji biex jieħdu ħsieb is-saħħa tal-annimali li jitrabbew għall-konsum tal-poplu. Minħabba dan in-nuqqas ikun hemm okkażjonijiet fejn ikun hemm demwien biex jingħataw is-servizzi tal-veterinarji.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-ammont kbir ta’ annimali li hawn fil-pajjiż u enfażizza l-importanza li jkun hawn veterinarji biżżejjed fil-pajjiż. Mhux isiru korsijiet ta’ veterinarji fil-pajjiż meta hawn ħafna żgħażagħ li huma interessati iżda li qed ikollhom jistudjaw barra minn Malta.

Il-gvern isostni li m’hawnx riżorsi biżżejjed u għalliema speċjalizzati f’dan is-settur. Fil-verità l-gvern għandu nuqqas ta’ impenn biex jiftaħ il-kors ta’ veterinarji.

Fil-pajjiż, ir-raħħala qed ikollhom jinqdew b’veterinarji Taljani li xorta mhux biżżejjed biex jaqdi l-bżonnijiet tar-raħħala. Hemm ukoll il-problema tal-lingwa.

Il-Gvern għandu jassigura li s-servizz tas-saħħa għall-annimali jingħata b’sussidju lir-raħħala meta jkollhom bżonn servizz ta’ veterinarju.

Toni Bezzina semma’ ż-żidiet fil-prezzijiet tal-għalf li qed jiffaċċjaw ir-raħħala li qed jeffettwa l-investimenti li r-raħħala jkunu għamlu. Il-ġwież jkun importat minn barra l-pajjiż biż-żieda fl-ispejjeż hi relatata propju ma din l-importazzjoni. Għalhekk art agrikola għandha tingħata lir-raħħala. Hu kkritika lill-gvern li se jagħti art bi prezz miżerju lil Sadeen fi SmartCity iżda art agrikola qed toħroġ bi prezzijiet tliet darbiet iktar.

Id-deputat Nazzjonalista appella biex l-art agrikola li kien hemm fiż-Żonqor terġa’ tingħata lura lill-bdiewa li kienu jaħdmuha.