Lokali

Il-Gvern jikkonferma li mhux se jagħti refunds wara s-serq mill-kontijiet

Il-Qorti kkonfermat li l-poplu Malti u Għawdxi qed jinsteraq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-Gvern ikkonferma li mhux se jagħti refunds lura lill-familji li nsterqu. Hija din l-aħħar minn saga twila ta’ żviluppi fir-rigward tal-mod kif qed jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Dan meta fl-aħħar xhur, waslet il-konferma mill-Awditur Ġenerali li l-kontijiet qed jinħadmu ħażin u ħafna familji qed iħallsu ż-żejjed. Dan qabel ma l-Gvern, l-ewwel prova jgiddeb dan il-fatt qabel ma imbgħad ammetta li hemm problema fil-mekkaniżmu.

Il-Kampanja Elettorali u x-xhur ta’ qabel kienu dominati minn dan is-suġġett fejn filwaqt li l-Partit Nazzjonalista wiegħed li jsewwi dan il-mekkaniżmu u jagħti lura l-flus kollha li nsterqu fl-aħħar snin, il-Gvern Laburista baqa’ jonqos milli jagħti direzzjoni ċara, għajr li qed iħares lejn il-mod kif jinħadmu l-kontijiet.

Issa li anke l-Qorti kkonfermat li l-kontijiet qed jinħadmu b’tali mod li l-Maltin u l-Għawdxin qed jinsterqu, f’reazzjoni mgħaġġla, il-Partit Laburista, mill-Gvern ħareġ stqarrija jgħid li għadu qed jiffinalizza l-aspetti kollha biex jibda jitħaddem Avviż Legali ġdid dwar il-ħruġ tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma.

F’din l-istqarrija mill-Ministeru li tmexxi Miriam Dalli, il-Gvern ikkonferma li mhux se jagħti flus lura ta’ serq li sar fl-aħħar snin u qal biss li l-avviż legali u s-sistema l-ġdida mistennija jibdew jitħaddmu fil-ġimgħat li ġejjin u se jkollhom effett minn Jannar 2022. Dan ifisser li se tingħata biss refund tas-serq li sar fl-aħħar sitt xhur.

Il-Gvern Laburista qal ukoll li s-sentenza tal-qorti li ngħatat fl-aħħar sigħat għad trid tkun analizzata. Din is-sentenza tal-Qorti, anke kif rapurtata mix-xandir nazzjonali, tgħid li “l-Prim Awla fil-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Anna Felice ordnat lill-kumpanija ARMS biex tirrifondi ħlas żejjed li tħallas minn sid ta’ dar f’Ħal Lija.”

Fil-kawża li Darren Cordina u n-Nutar Melvin Polidano fetħu kontra l-ARMS, il-Qorti kkundannat lill-ARMS għax il-kontijiet inħadmu pro-rata u mhux abbażi ta’ konsum kumulattiv annwali. Kif filfatt kien diġa kkonferma l-Awditur Ġenerali u l-Partit Nazzjonalista wara li eluf ta’ persuni ħallew il-kontijiet tagħhom fid-Dar Ċentrali.