Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Impenjati għad-difiża ta’ Donetsk

Il-qawwiet tal-Ukrajna qegħdin jagħmlu minn kollox possibbli biex jiddefendu l-provinċja ta’ Donetsk wara t-telfa, jiem ilu,  tal-provinċja ta’ Luhansk lill-Armata tar-Russja.

Il-gwerra fl-Ukrajna – li daħlet fil-ħames xahar – tinsab għaddejja minn fażi ġdida, bir-Russi, issa, qed jikkonċentraw fuq il-miri militari ġodda f’Donetsk. Dan wara li l-President tar-Russja Vladimir Putin ħabbar li s-suċċessi tat-truppi tiegħu f’Luhansk għandhom iwittu t-triq lejn ‘ir-reħba finali f’dan il-konflitt’.

Ir-rebħa tar-Russi fil-battalja għal  Lysychansk ikkonfermat il-kontroll tal-Kremlin f’Luhansk li – bħal Donetsk – tifforma parti mir-reġjun industrijali tad-Donbas lejn il-lvant tal-Ukrajna.

L-Ukreni u r-Russi t-tnejn sofrew telfiet kbar ta’ suldati fil-ġlied għal Luhansk – u partikularment waqt l-assedju tal-ibliet ta’  Lysychansk u Sievierodonetsk li kważi nqerdu għal kollox fost il-bumbrdamenti bla heda tal-Armata Russa.

L-osservaturi indipendenti, issa, qalu li l-belt ta’ Lysychansk ‘bilkemm għadha teżisti’ u li z-zona qed tħoss sew in-nuqqas ta’ ċentru għad-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja.

Dan waqt li l-qawwiet Ukreni qed jikkonsolidaw il-linji difensivi l-ġodda fir-reġjun tad-Donbas fejn għadhom qed jikkontrollaw numru ta’ bliet ewlenin.

Intant, il-qawwiet Russi, fl-aħħar sigħat, ibbumbardjaw mill-ġdid l-ibliet ta’ Sloviansk u Kramatorsk, waqt li Pavlo Kyrylenko, il-Gvernatur ta’ Donetsk, sostna li dawn l-ibliet issa saru ‘il-mira ġdida għall-offensiva tar-Russi’. Intant, mhemm l-ebda zona fid-Donetsk li hi ħielsa mill-balal u l-missili tar-Russi

Mill-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna, ir-Russja baqgħet tinsisti biex il-Gvern ta’ Kiev iċedi Luhansk u Donetsk lis-separatisti fiż-żewġ provinċji li qed jappoġġjaw lil Moska u li ddikjaraw ‘żewġ Stati indipendenti’ fl-artijiet Ukreni.