Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Jaħsbu li l-ksibiet strateġiċi tar-Russi kienu minimi

Il-konsulenti viċin il-President Ukren Volodymyr Zelensky huma fiduċjużi li l-battalja għal Luhansk kienet l-aħħar rebħa għall-qawwiet tar-Russja fl-Ukrajna. Huma sostnew ukoll li l-Armata Russa ġarrbet ‘it-telfiet insostenibbli’ waqt disgħin jum ta’ battalji għall-kontroll ta’ dik il-provinċja.

Fil-fatt, l-indikazzjonijiet kollha qegħdin juru li l-qawwiet Russi kellhom iħallsu prezz enormi għall-ħtif tal-ibliet ta’ Sievierodonetsk u Lysychansk.

U minbarra l-battalji imminenti għal Donetsk (fil-lvant tal-Ukrajna), l-Ukreni qed jaħsbu anki għall-kontro-offensivi fl-artijiet ta’ pajjiżhom lejn in-nofsinar. Dan fi żmien meta mas-60 fil-mija tal-qawwiet Russi jinsabu kkonċentrati fiz-zoni lejn il-lvant tal-Ukrajna.

Xi esperti militari qed jikkalkulaw ukoll li l-problemi li r-Russi kellhom jiffaċċjaw fil-battalji tal-aħħar ġimgħat ħallew impatt sostanzjali għall-kapaċitajiet militari tagħhom. L-istess esperti jemmnu li l-kisbiet strateġiċi tar-Russi, fil-fatt, kienu minimi u li għad fadal għall-battalja deċiżiva li tiddeċiedi d-destin tar-reġjun kollu tad-Donbas.