Lokali

IL-MUŻIKA FIL-BELT: Anke Evarist Bartolo joħodha kontra Robert Abela

Lill-Beltin ma mpressjonahom xejn l-argument li se jkun hemm infurzar biex il-mużika tkun moderata

“M’aħniex eżattament mudell fejn jidħol l-infurzar.”

Hekk stqarr l-eks Ministru Laburista Evarist Bartolo meta dalgħodu ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-azzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jestendi l-mużika fil-Belt sas-1am – deċiżjoni li anke d-deputati tal-Labour eletti mill-Ewwel Distrett qed jibqgħu jiddefenduha.

Apparti l-MHRA, l-MDA, għaqdiet tas-soċjetà ċivili, residenti, imprendituri – flimkien mal-Partit Nazzjonalista – issa anke wieħed mill-veterani tal-Labour qed jistqarr li dan il-pass li ħa Robert Abela huwa żball. U se jkun qed jaffetwa lill-kapitali u r-residenti tagħha.

Fuq Facebook, Evarist Bartolo staqsa għalfejn din l-esagerazzjoni, u jekk hux għaqli li Malta kollha tispiċċa qisha Paceville minn tarf sa ieħor.

“Ma jagħmilx sens la għal min jgħix fil-Belt u lanqas għal min iżurha. Lill-ħafna Beltin milquta ma mpressjonahom xejn l-argument li se jkun hemm infurzar biex il-mużika tkun moderata”, stqarr l-eks Ministru Laburista.