Enerġija Lokali

Il-Qorti tikkonferma dak li l-PN ilu jgħid dwar is-serq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma

F’sentenza mogħtija fil-Qorti Ċivili mill-Imħallef Anna Felice, il-Qorti kkonfermat dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista: illi s-sistema ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma kif bdiet titħaddem mill-ARMS fl-2014, qed tikser il-liġi.

Hekk stqarr il-PN fi stqarrija maħruġa mid-deputat Mark Anthony Sammut.

Fil-kawża miftuħa minn Darren Cordina u Dr Melvin Polidano, il-Qorti ddikjarat li l-komputazzjonijiet kif magħmulha mill-ARMS huma kontra dak li tipprovdi l-Liġi Sussidjarja 545.01, u d-Direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Effiċjenza fl-Enerġija.

Dan jikkonferma li l-iskuża li kien iġib il-Gvern, li din il-bidla fis-sistema tal-kontijiet saret minħabba l-Avviż Legali li kien daħħal il-Partit Nazzjonalista fl-2009, kienet biss gidba. Il-Qorti ddikjarat b’mod ċar li l-metodu li beda juża’ l-Gvern Laburista fl-2014 huwa bi ksur ta’ dak l-Avviż Legali, u mhux għax beda jimxi miegħu.

Il-Qorti ordnat ukoll lill-ARMS biex lil dawn il-klijenti jinħadmulhom kontijiet ġodda li minflok jaqsmu l-allokazzjoni ta’ units pro-rata kull xahrejn, ikollhom aġġustament abbażi ta’ “konsum kumulattiv annwali”, fuq sena sħiħa, kif propju jgħidu l-Avviż Legali u l-Liġi Sussidjarja.

Il-Partit Nazzjonalista jsostni l-pożizzjoni tiegħu, li wara li ġiet konfermata mill-Awditur Ġenerali issa hi wkoll konfermata mill-Qorti, li dan l-aġġustament annwali għandu jibda japplika għal kulħadd u li l-klijenti kollha li ġew affetwati, mhux biss dawk li lesti jiftħu kawża, għandhom jieħdu l-flus li ħallsu żejda lura.