Lokali Parlament

Jeħtieġ koordinazzjoni bejn l-entitajiet tal-ħarsien tal-annimali

Janice Chetcuti, PN

Id-deputat Nazzjonalista Janice Chetcuti appellat biex ikun hemm il-koordinazzjoni meħtieġa bejn l-entitajiet tal-ħarsien tal-annimali fil-pajjiż.

Fil-parlament Janice Chetcuti qalet li kienet se ssir protesta dwar każ ta’ kelba li f’Novembru li għadda kienet konfiskata minn dar flimkien ma’ 20 kelb ieħor minħabba negliġenza. Il-protokoll jispeċifika li l-annimali konfiskati ma jistgħux jingħataw għall-adozzjoni sakemm il-każ jinstema’ l-qorti. Hi sostniet li f’dan il-perjodu jinstabu familji li jagħtu protezzjoni temporanja lill-annimali; kif ġara lil din il-kelba.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li din il-kelba ħarbet minn din id-dar u spiċċat fit-triq. Il-kelba nstabet mid-Direttorat tal-Annimali f’Għawdex u reġgħet ingħatat lis-sid oriġinali li mingħandu kienet ikkonfiskata. Dan kien żball għaliex il-kelba kienet itteħdtilu lura mid-Direttorat; jirriżulta li hemm nuqqas kbir ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ direttorati. Dawn l-iżbalji mhumiex aċċettabbli.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-kelba llum tinsab lura fid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali.

Janice Chetcuti qalet li jeħtieġ li l-kawżi ma jdumux ma jintemmu biex l-annimali ma jdumux ikunu taħt fostering.

Hu tkellmet fuq sitwazzjoni oħra riċenti fejn ammonti ta’ klieb spiċċaw f’għelieqi fil-Gudja fejn kienu abbandunati. L-Animal Welfare marru fuq il-post iżda minħabba li l-klieb ma kinux iċċippjati huma ħallewhom hemm. Kieku biss il-voluntiera tal-SPCA li marru fuq il-post u ġabru lill-annimali wara li fil-post kien hemm nirien kbar. Fil-post kien hemm kadavru ta’ żiemel mejjet li tħalla wkoll fil-post.

Il-ħaddiema tal-Animal Welfare għandhom ikunu l-vuċi tal-annimali u għandhom jingħataw it-taħriġ meħtieġ, sostniet Janice Chetcuti.