Lokali

“L-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ghandha tigi investigata” – L-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi

L-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, Kevin Aquilina, qal li għandha tinħatar inkjesta indipendenti biex tinvestiga t-tmexxija tal-Avukat Ġenerali u l-uffiċċju tagħha. Skont il-Professur Aquilina, din l-inkjesta għandha tinħatar fil-konfront ta’ Victoria Buttigieg qabel ma jinbdew xi proċeduri possibbli biex titneħħa mill-kariga tagħha. Hu stqarr dan f’opinjoni li ta lill-ġurnal The Malta Independent.

Kevin Aquilina spjega li l-Bord tal-Inkjesta għandu jkun magħmul minn imħallfin irtirati li jkunu ħadmu fi qrati kriminali, jew eks Avukati Ġenerali, biex dawn l-individwi jkunu kemm imparzjali kif ukoll jafu sew ir-rwol u d-dmirijiet tal-Avukat Ġenerali.

L-inkjesta m’għandhiex tillimita ruħha biex tinvestiga l-prestazzjoni tal-Avukat Ġenerali, jew biex tinvestiga każ partikolari tal-qorti li ġibdet l-attenzjoni tal-Union tal-Pulizija, partit politiku, organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, jew kwalunkwe persuni oħra. Iżda skont Aquilina…għandha tinvestiga l-ħidma kollha tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Il-Professur Aquilina qal li l-inkjesta għandu jkollha appoġġ minn kulħadd – irrispettivamenti mill-kuluri politici. Iżda għandha ssir ukoll bil-bibien magħluqa minħabba informazzjoni kunfidenzjali li l-Bord jista’ jsir jaf biha matul l-investigazzjonijiet tiegħu.

Madankollu, dawn il-konklużjonijiet għandhom jiġu ppubblikati fl-istess jum li jingħataw lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, stqarr Kevin Aquilina. L-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg reġgħet spiċċat taħt pressjoni sinifikanti fl-ahhar gimghat wara żewġ nuqqasijiet kbar ta’ profil għoli. Fosthom, il-każ fejn ippermettiet li tnejn mill-avukati ta’ Yorgen Fenech jiġu meħlusa minn allegat tixħim fil-konfront ta’ ġurnalist.