Lokali Parlament

L-għoli tal-ħajja ilu jinħass ferm qabel bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-parlament illum li l-għoli tal-ħajja f’Malta ilu jinħass ferm qabel bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukajina u għalhekk il-gvern ma jistax jinħeba wara din il-problema iżda għandu joffru soluzzjonijiet.

Il-parlament iddiskuta l-konklużjonijiet ta’ laqgħa tal-Kunsill Ewropew bi stqarrija ministerjali tal-Prim Ministru Robert Abela, diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grecch u mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Ryan Callus u tad-deputat Laburista Carmelo Abela.

Fl-istqarrija ministerjali tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela qal li fil-Laqgħa tal-Kunsill Ewropew li għaddiet Malta ddikjarat li qatt ma kellha oġġezzjoni għall-embargo fuq l-importazzjoni ta’ żejt Russu.

Hu sostna li kien ċar li s-sanzjonijiet ikunu sostenibbli billi jkunu kkunsidrati l-effetti tas-sanzjonijiet preżenti qabel jiddaħħlu sanzjonijiet oħra biex ma jkunx hemm effetti fuq iċ-ċittadini.

Il-Prim Ministru tkellem dwar l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja u qal li l-gvern Malti jaqbel ma’ interventi biex il-piżijiet ma jintefgħux fuq in-nies. Hu semma’ l-ikel u qal li Malta taqbel li l-UE tesplora kooperazzjoni ma’ sieħba oħra biex tilqa’ għal din is-sitwazzjoni. Il-Prim Minstru qal li l-Gvern għin lill-importaturi tal-qmugħ u tal-ġwież biex ikun hawn stabbiltà fl-ikel.

Robert Abela qal li l-imprendituri Maltin, fil-maġġoranza, huma onesti u sostna li l-għajnuna li ta l-gvern trid tkun il-bażi li fuqha titkabbar l-ekonomija b’mod ġust.

Dwar is-sigurtà u d-difiża tal-UE, il-Prim Ministru qal li Malta kienet lesta tagħmel dak kollu li tista’ tagħmel fil-parametri stretti tal-kostituzzjoni dwar in-newtralità u n-non-allineament.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li jilqa’ pożittivament il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li huma fid-direzzjoni t-tajba għax jersqu lejn futur għall-UE li jinvolvi l-poplu Ukren u jħarsu lejn is-sigurtà u d-dipendenza fuq l-UE bħala kontinent.

Hu ta’ unur għall-PN li anki meta hu, bħala Kap tal-Oppożizzjoni, indirizza l-parlament fil-preżenza tal-President Ukren Zelensky kien appoġġja lill-Ukrajina bħal stat kandidat fl-UE.

Il-Kap tal-PN qal jemmen li minkejja li Malta hi newtrali, il-poplu mhux newtrali quddiem l-atroċitajiet li qed iseħħu fl-Ukranija u għalhekk Malta għandha tingħaqad fis-solidarjetà mal-poplu Ukren. Kull nazzjon ma jistax ikun sigur sakemm ir-Russja tkun kapaċi tinvadi pajjiż sovran.

Benard Grech kompla li dan kollu jikkonferma kemm imnalla Malta hi membru tal-UE għax il-gwerra tal-Ukrajina hi l-gwerra ta’ kulħadd. Putin attakka nazzjon li ħaddan prinċipji demokratiċi; ilu mill-2014 jinvadi territorji Ukreni.

Il-Kap tal-PN kompla li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jikkonfermaw li s-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja se jkun implimentat u sostna li l-Prim Ministru għandu jagħtu rendikont kif dawn is-sanzjonijiet se jkunu implimentati.

Hu sostna li l-azzjonijiet iridu jittieħdu biex ir-Russja tieqaf tuza’ prodotti tal-ikel bħala arma. Kien Gvern Nazzjonalista li beda l-ħidma biex Malta ħadet postha fil-Kunsill tas-Sigurtà u dan hu ta’ sodisfazzjon. Malta għandha tagħmel l-aħjar minn din il-pożizzjoni.

Il-Kap tal-PN kompla li l-poplu għandu diffikultà kbira quddiemu; l-għoli tal-prezzijiet. Hu obbligu tal-Prim Ministru li jindirizza l-effetti tal-għoli tal-ħajja li qed jgħaffeġ eluf ta’ Maltin; mhux biżżejjed li nwaħħlu fil-gwerra tal-Ukrajina għaliex il-problema tal-għoli tal-ħajja ilha terfa’ rasha ferm qabel bdiet il-gwerra.

Bernard Grech fakkar kif fl-aħħar disa’ snin il-propjetà irduppjat fil-prezz u sostna li Malta għandha obbligu li tassisti pajjiż li jinsab fi kriżi. Il-gvern għandu obbligu li ma jużax gwerra dwar l-għoli tal-ħajja fil-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus staqsa dwar il-pożizzjoni ta’ Malta quddiem it-talbiet għal derogi dwar l-importazzjoni taż-żejt Russu. Hu staqsa jekk il-Prim Ministru jsibhiex diffiċli jirrikonoxxi li l-applikazzjoni biex Malta jkollha siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà bdiet fl-2010. Ryan Callus staqsa x’inhuma l-prijoritajiet ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà u kif se taġixxi dwar l-invażjoni Russa fl-Ukajina.

Il-Prim Ministru wieġeb li b’konvinzjoni jiddikjara li hu kburi bis-sħubija fl-UE u sostna li minn Marzu 2020 id-dinja ntlaqtet ukoll minn pandemija. Hu attakka lill-gvern Nazzjonalista għall-politika li attwa quddiem il-kriżi internazzjonali tal-2008 u sostna li l-Gvern Laburista qassam €70 miljun ta’ għajnuna diretta lin-nies.

Hu qal li ż-żieda fil-prezz tal-propjetà hi tat-tħassib iżda l-persentaġġ tal-poplu li hu sid ta’ dahru qatt ma kien għoli daqs llum. Mhux se jkun possibbli li Malta tilqa’ għall-effetti kollha tal-invażjoni Russa fl-Ukrajina, sostna l-Prim Ministru.