Internazzjonali

L-Italja: Sitwazzjoni ta’ emerġenza waqt l-agħar nixfa għal 70 sena

L-Italja ddikjarat stat ta’ emerġenza f’ħames reġjuni tat-Tramuntana madwar ix-Xmara Po meta fl-inħawi, bħalissa, qed tiddomina l-akbar sitwazzjoni ta’ nixfa għal dawn l-aħħar 70 sena.

In-nixfa qed thedded ‘il fuq minn 30 fil-mija tal-prodott agrikulu fl-Italja, b’numru ta’ unions relatati mal-qasam tal-agrikoltura jesprimu inkwiet kbir dwar x’tista’ tfisser din is-sitwazzjoni matul il-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.

Intant, ir-reġjuni ta’ Emilia-Romagna, Friuli Venezia Giulia, il-Lombardija, Piedmonte u Veneto se jingħataw mas- €36.5 miljuni bħala fondi ta’ emerġenza. Dan bil-għan li l-awtoritajiet lokali jindirizzaw in-nuqqas tal-ilma ġenerali li qed jilħaq livelli akuti fost l-elementi tas-sajf ‘straordinarji’.

Fl-aħħar sigħat ukoll, numru ta’ muniċipalitajiet ħabbru sistemi ta’ rationing għall-ilma minħabba ċ-ċirkustanzi diffiċli.

Il-Gvern Taljan sostna li l-istat tal-emerġenza hu maħsub biex irażżan u jindirizza l-effetti ta’ din is-sitwazzjoni allamanti permezz ta’ poteri u mezzi mhux tas-soltu. Mistenni wkoll li l-Gvern, ‘il quddiem, jieħu l-miżuri ġodda addizzjonali jekk is-sitwazzjoni ma taqlibx għall-aħjar.

Is-sħana u nuqqas ta’ xita matul ix-xitwa li għaddiet ikkumplikaw is-sitwazzjoni tal-ilma lejn in-naħa ta’ fuq tal-Italja filwaqt li żiedu t-tħassib dwar l-impatt tal-bidliet fil-klima għal dan il-pajjiż u l-kumplament tal-Ewropa.

Il-Prim Ministru Taljan Mario Draghi tenna, intant, li l-bidliet fil-klima ‘bla dubju’ kellhom sehem fit-traġedja tal-Ħadd li għadda fid-Dolomiti, fejn ċediet massa ta’ silġ akkumulat, bir-riżultat li mietu seba’ u bi tlettax-il persuni oħra jibqgħu rrappurtati nieqsa.