Lokali

National Lottery plc. tieħu f’idejha l-lotteriji nazzjonali

It-tradizzjoni li tmur lura kważi 100 sena, issa b’era ġdida, b’isem ġdid – National Lottery plc. – Se tkun qed tieħu ħsieb il-lotteriji nazzjonali ta’ pajjiżna. National Lottery plc. ħadet f’idejha l-operat tal-lotterija nazzjonali ta’ Malta mingħand Maltco Lotteries dalgħodu, meta ingħatat il-liċenzja fi tmiem attività organizzata fl-uffiċini tal-Malta Gaming Authority.

Fi tmiem l-attività tkellimna maċ-Chief Commercial Officer ta’ IZI Group, Franco De Gabriele li spjegalna xi jfisser dan il-mument għall-kumpanija tagħhom u għal pajjiżna. Franco De Gabriele tana wkoll dettalji ta’ xi tibdil li se jkun qed iseħħ issa li National Lottery ħadet f’idejha l-lotterija nazzjonali minngħand Maltco Lotteries, bl-ewwel tlugħ tal-Lottu li se jsir is-Sibt 9 ta’ Lulju fit-8:35pm.

Matul l-attività li fiha, National Lottery ingħatat il-liċenzja, tkellem il-Kap Eżekuttiv tal-MGA Karl Brincat li rringrazzjoni lil Maltco lotteries tal-ħidma li wettqet matul l-aħħar 18-il sena. Dan filwaqt li awgura lill-kumpanija l-ġdida li se tieħu ħsieb il-lotteriji għall-10 snin li ġejjin.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ National Lottery Yohan Schembri saħaq li t-tir tal-kumpanija huwa li titrasforma lil pajjiżna f’mudell għall-kumplament tal-Ewropa iżda saħaq fuq l-importanza li se tingħata lil dak li jagħmilna Maltin. Yohan Schembri spjega kif ser tkun qed tintuża’ l-aħħar teknoloġija, filwaqt li tkellem ukoll dwar l-importanza tal- logħob responsabbli  – xi ħaġa li se tibqa’ prijorità.