Lokali Saħħa

“Neħħejna l-iswed u llum qed nilbsu l-kuluri” – Paul Pace

Jitkellem ma' Net News wara d-deċiżjoni tal-Qorti

“Neħħejna l-ilbies iswed, u minflok l-uniformi, ilbisna hwejjeġ ikkuluriti b’sinjal ta’ ferħ għad-deċiżjoni tal-qorti” – Din kienet ir-reazzjoni tal-MUMN, meta Net News ħa l-kummenti ta’ Paul Pace, wara d-deċiżjoni li kkonfermat li l-infermieri jistgħu jibqgħu għaddejjin bid-direttivi fl-isptarijiet, la darba joffru s-servizzi essenzjali lill-pazjenti.

Din id-deċiżjoni ħarġet mill-Prim Awla tal-Qorti Civili fejn l-Imħallef insista li għandu jkun il-Gvern li jsib soluzzjoni għall-problema ta’ nuqqas ta’ infermieri fl-isptarijiet lokali. Dan meta l-Imħallef Ian Spiteri Bailey ċaħad it-talba tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, Joseph Chetcuti, sabiex iwaqqaf lill-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel milli tieħu azzjonijiet industrijali fl-isptarijiet.

Kien fid-9 ta’ Ġunju meta l-MUMN bagħtet ittra lill-Ministeru tas-Saħħa fejn infurmatu li kienet qed tħabbar diversi direttivi lill-membri tagħha kawża ta’ tilwima industrijali, bl-MUMN dak iż-żmien tisħaq li ġiet infurmata li d-diskussjonijiet rigward ftehim settorjali mal-infermieri u l-qwiebel ma kienux se jseħħu. Jum wara l-ieħor, li n-nuqqas ta’ infermieri qed ikun ta’ detriment għall-pazjenti Maltin u Għawdxin bil-union tinsisti li l-Gvern m’għamel assolutament xejn għajr li jressaqhom il-Qorti.

Il-Ministeru mmexxi Chris Fearne kien insista li tali azzjonijiet industrijali kienu se jpoġġu f’riskju s-servizzi tas-saħħa.  Madanakollu, wara li sema ż-żewġ naħat, l-Imħallef Spiteri Bailey insista li kellu jkun is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-saħħa li jsib soluzzjoni għal din il-problema, għaliex il-pazjent diġà mhux qed ikun moqdi b’mod xieraq minħabba n-nuqqas ta’ staff.