Enerġija Lokali

Partijiet minn Birkirkara ilhom bla dawl mill-10pm tat-Tnejn

Partijiet minn Birkirkara ilhom jesperjenzaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku sa mill-10.00 pm tal-bieraħ. Meta NET News ikkuntattja lil-Enemalta dawn qalu li r-raġuni għal dan il-qtugħ hija li marru żewġ cables. L-informazzjoni hija li d-dawl huwa previst li jerġa’ lura għan-normal bejn nofs inhar u s-1.00pm.

Din mhux l-ewwel darba li din il-lokalità esperjenzat minn dan il-qtugħ. Fil-fatt is-sajf li għadda xi partijiet kienu qegħdin jgħaddu minn dan il-martirju kważi kuljum. Numru li residenti li ċemplu fil-kamra tal-aħbarijiet ta’ medialink communications qalu li mhux biss kellhom lejk insopportabbli imma li jinsabu nkwetati għall-fatt li ħafna mill-ikel li għandhom fil-fridge u fil-freezers x’aktarx li se jispiċċa mormi.

F’każijiet bħal dawn L-Enemalta tispjega li meta jiżdiedu t-temperaturi, tiżdied f’daqqa d-domanda għall-elettriku u dan flimkien mal-kundizzjonijiet tat-temp jikkawżaw pressjonijiet fuq il-cables ta’ taħt l-art li jistgħu jiżviluppaw ħsarat, kif reġa’ ġara bejn il-bieraħ u llum.