Internazzjonali

Renju Unit: Theżżiża fil-Gvern ta’ Boris Johnson wara r-riżenja ta’ żewġ Ministri

Il-Gvern tar-Renju Unit qed iħares lejn futur inċert wara numru ta’ riżenji li kienu kkonfermati fl-aħħar sigħat….L-akbar theżżiża hi r-riżenja ta’ Rishi Sunak minn Kanċillier tal-Finanzi,, bit-taqlib fil-Kabinett qed ikompli wara li rriżenja anki Sajid Javid minn Segretarju tas-Saħħa.

Is-sitwazzjoni tfisser li l-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson spiċċa b’dahru mal-ħajt u mhux eskluż li jista’ ‘il quddiem iwarrab mill-kariga.

Iż-żewġ Ministri rriżenjaw wara li Johnson talab skuża talli kien ħatar deputat (tal-Partit Konservattiv) fil-Gvern wara li dan id-deputat kellu jiffaċċja allegazzjonijiet dwar aġir sesswali li mhux aċċettabbli. Id-deputat, Chris Pincher, spiċċa sospiż bħala deputat tal-Tories wara li, jiem ilu, iffaċċja aktar allegazzjonijiet li kien qed jagħti fastidju lill-irġiel bi skop sesswali.

Rishi Sunak, li fl-aħħar xhur kien involut f’diversi azzjonijiet kontroversjali tal-Gvern Britanniku, qal li l-poplu jistenna li ‘l-amministrazzjoni tal-pajjiż jitmexxa b’mod xieraq u kompetenti waqt li tinżamm kull livell ta’ serjetà’.

Sajid Javid, intant, qal li hu ‘ma jistax isibha fil-kuxjenza’ li jkompli jservi bħala parti mill-Gvern minħabba ċ-ċirkustanzi.

Il-Prim Ministru Johnson proprju x-xahar li għadda kien rebaħ vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu għalkemm 148 fost id-deputati tal-partit fil-Gvern kienu vvutaw kontra tiegħu.

Madankollu, l-aħħar żviluppi jistgħu qed jindikaw il-bidu tal-kroll tal-Gvern Britanniku preżenti — u t-tmiem ta’ Boris Johnson bħala Prim Ministru.

Dan meta issa hemm ukoll konferma li Bim Afolami irriżenja minn Viċi-Chairman tal-Partit Konservattiv fil-Gvern.