Għawdex Lokali

Sewwieq ta’ mutur ferut gravi wara inċident fix-Xewkija

Raġel mill-Qala sofra ġrieħi gravi wara inċident li seħħ dalgħodu fix-Xewkija, meta seħħet ħabta bejn il-mutur tiegħu u karozza misjuqa minn mara.

L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9am, fi Triq Ta’ Lambert.

Il-Pulizija marru immedjatament fil-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li kien seħħ inċident bejn mutur Honda, misjuq minn raġel ta’ 29 sena residenti l-Qala, u karozza Ford li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 47 sena residenti Għajnsielem.

Is-sewwieq tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ambulanza u aktar tard, ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.