Futbol Sport

Shamrock Rovers b’saħħithom wisq għal Hibernians

SHAMROCK ROVERS ………. 3

HIBERNIANS …………………….. 0

Shamrock Rovers: A.Mannus, S.Hoare, R.Lopes, L.Grace, R.Finn, D.Watts, G.O’Neil, C.McCann, A.Lyons, R.Gaffney, A.Greene

Hibernians: I.Kone, Z.Grech, G.Bravo, R.Soares, G.Artiles, J.Zerafa, Thaylor, D.Vella, A.Diakite, G.Mensah, J.Degabriele

Referee: Morten Krogh

Assistenti referees: Jesper Dahl, Lars Hummelgaard

F’Tallaght Stadium f’Dublin, Hibernians kienu megħluba bl-iskor ta’ 3-0 minn Shamrock Rovers fl-ewwel leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League.

Fil-ħames minuta minn cross mil-lemin ta’ Dylan Watts kien Aaron Greene li mill-viċin tefa’ għoli. Shamrock Rovers fil-vantaġġ fil-25 minuta meta minn cross ta’ Rory Gaffney kien Ronan Finn li daħal tajjeb u xeħet wara Ibrahima Kone għal 1-0. Fi-29 minuta azzjoni tajba għal Hibernians meta minn cross ta’ Jurgen Degabriele, Dunstan Vella daħal tajjeb bir-ras iżda l-konklużjoni tiegħu kienet salvat mill-goalkeeper Mannus.

Fl-40 minuta Shamrock jirduppjaw, meta minn cross fil-baxx mix-xellug ta’ Rory Gaffney kien Dylan Watts li b’konklużjoni fil-baxx għeleb lil Kone għal 2-0. Fit-tieni taqsima Hibernians ħarġu aktar fuq l-offensiva u fit-52  minuta ix-xutt tas-sostitut Terence Groothusen ħabat mal-lasta. Fil-61 minuta Hibernians għal darb’oħra viċin il-gowl meta minn pass fit-tul ta’ Jurgen Degabriele Thaylor Aldama sab ruħu wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper bil-konklużjoni tiegħu taħbat mal-lasta.

Madanakollu il-partita ingħalqet fis-77 minuta meta Aidomo Emakhu għadda tajjeb lejn Rory Gaffney li b’xutt fil-baxx xeħet fir-rokna tax-xibka għal 3-0.