Lokali Qorti

“Sitwazzjoni inaċċettabbli f’pajjiż demokratiku” – Repubblika

Aktar ma jgħaddi żmien aktar qed isir evidenti li l-Avukat Ġenerali Victoria Buttiġieġ qed timxi fuq il-passi tal-predeċessur tagħha Peter Grech.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-bini tal-Qorti, il-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina qal li din hija sitwazzjoni ta’ inkwiet kbir hekk kif il-każijiet li jippruvaw dan il-fatt qed ikunu spissi.

Huma każijiet ta’ impunità li tasal fil-forma ta’ taparsi żbalji, li allura ma huma żbalji xejn. Huma wkoll każijiet fejn l-AG hi fid-dmir li tmexxi kontra kriminali, iżda ma tmexxiex. Huma saħansitra każijiet li fihom l-AG ma tmexxiex kontra kriminali minkejja li maġistrati jkunu ordnawlha tmexxi.

Robert Aquilina saħaq li din hi sitwazzjoni inaċċettabbli f’pajjiż demokratiku, fejn suppost issaltan il-liġi u suppost l-istituzzjonijiet jaħdmu bla ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.

Huwa qal li Repubblika hija determinata li tagħmel kull ma tista’ biex ma tħallix din is-sitwazzjoni tippersisti, bl-istess mod kif qed tkun indirizzata l-impunità li qed tiġġenera t-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-għaqda Repubblika qed titlob lill-Qrati jevalwaw jekk l-Avukat Ġenerali hux qed tieħu deċiżjonijiet li jispettaw lilha b’mod raġjonevoli.  Dan għaliex filwaqt li l-liġi tipproteġi l-indipendenza u l-awtonomija tal-AĠ, il-liġi trid li l- AĠ tieħu d-deċiżjonijiet fdati lilha b’mod raġjonevoli.

Huwa qal li l-gvern Malti llimita d-dritt taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili li jitolbu lill-qrati biex jevalvaw jekk deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali hix raġjonevoli jew le għal dik li hu sejjaħ “il-parti offiża” biss. Għamel hekk biex l- AĠ tkun tista’ targumenta li f’ċerti każijiet ma jkun hemm l-ebda parti offiża u għalhekk ħadd ma jkun jista’ iżommha accountable. Fi kliem sempliċi, l-AĠ m’għandhiex tkun f’pożizzjoni li tagħmel li trid, bla ma ħadd jeżamina l-irraġjonevolezza ta’ dawk id-deċiżjonijiet.

Robert Aquilina qal li f’Marzu 2021 l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija rċievew mingħand il-Magistrat Inkwirenti kopja tal-proċess verbal tal-Inkjesta Magisterjali dwar il-Pilatus Bank.

Fl-għeluq tal-Inkjesta Maġisterjali li ntemmet fl-ewwel parti tal-2021 dwar l-operat tal-Bank Pilatus, il-Maġistarat Inkwirenti ordna li jiħarġu akkużi kriminali fuq ħasil ta’ flus u reati serjissimi bi kwazi ħadd mill-persuni responsabbli sa issa ma tressqux quddiem il-Qorti.

Id-deċiżjoni tal-AĠ li ma tressaqx lil sid il-bank u lill-4 l-oħra hi totalment irraġjonevoli. Bid-deċiżjoni tagħha li ma tressaqx lill dawn tal-aħħar, l-AĠ qed tiġi taqa’ u tqum, tisfida, tinjora u tiddisprezza dak li ordnalha tagħmel il-Maġistrat Inkwirenti.

Huwa qal li hemm provi dokumentati, inkluż email, li jindikaw b’mod ċar ir-reat ta’ trading in influence bejn is-sid tal-Bank Pilatus u Keith Schembri. Nafu li lanqas f’dan ir-rigward ma ttieħdu passi fil-Qorti mill-Avukat Ġenerali u mill-Kummissarju tal-Pulizija.

Bl-assistenza tal-Avukat Jason Azzopardi Repubblika  qed tippreżenta ittra uffiċjali li permezz tagħha qed jgħidu lill-AĠ sabiex minnufih twettaq dmirha skond il-ligi. Permezz ta‘ din l-ittra uffiċjali, lill-Avukat Ġenerali Repubblika qed tavża wkoll li jekk ma tiħux azzjoni minnufih f’dan ir-rigward, se jmexxu kontriha fil-Qrati.