Internazzjonali

Stati Uniti: Aktar vittmi waqt sparatura oħra…din id-darba f’Illinois

Il-pulizija fl-Istat ta’ Illinois arrestaw raġel wara sparatura li fiha nqatlu talanqas sitt persuni, b’oħrajn jispiċċaw midruba. L-isparatura seħħet waqt il-parata ta’ Jum l-Indipendenza (tal-Istati Uniti) f’Highland Park, bis-suspettat li qed jinżamm taħt arrest jissemma bħala Robert E. Crimo ta’  22 sena.

L-arrest sar ftit wara li Crimo kien ipprova jiżgiċċa lill-pulizija u l-ewwel rapporti qalu li hu inizjalment issemma bħala persuna li ‘kien qed jikkoopera fl-istħarriġ’. Intant, l-awtoritajiet ftit wara sostnew li r-raġel, x’aktarx, kien responsabbli mid-dmija.

Is-suspettat, allegatament, kien tela’ fuq il-bejt ta’ bini minfejn beda jispara b’mod indiskriminattiv lejn l-ispettaturi preżenti għall-parata li kienet qed issir fil-limiti ta’ Chicago. Hu kien armat b’azzarin ta’ kalibru militari u r-rapporti qalu li l-pulizija, wara, kellhom f’idejhom ‘il-prova tal-arma li ntużat fid-delitt’.

L-isparatura seħħet ftit wara li bdiet il-parata – bl-inklużjoni tal-baned u diversi floats ikkuluriti – iżda x-xena nbidlet f’pandemonju sħiħ, bil-folol imbikkma jippruvaw jaħarbu mill-inħawi. Kien hemm ukoll min ħaseb li l-isparar ta’ dak il-ħin kien sempliċi logħob tan-nar, bil-paniku ġenerali ma jonqosx sakemm il-pulizija kkontrollat is-sitwazzjoni.

Sar magħruf, wara, li ħames adulti sfaw maqtula fuq il-post —  b’vittma oħra tal-isparatura titlef ħajjitha fl-isptar fejn kienet iddaħħlet b’urġenza. Il-midruba fl-isparar, intant, kienu kkalkulati bejn 20 u 35, bil-pulizija jdumu s-sigħat jagħmlu l-investigazzjonijiet f’dik iz-zona partikulari.  

Ma kienu tressqu l-ebda akkużi fil-konfront ta’ Robert Crimo u lanqas ma kien hemm indikazzjoni tal-mottiv li seta’ kellu. L-attakk f’Highland Park kellu jsir ftit ġranet biss wara sparaturi qattiela simili f’Uvalde, fl-Istat ta’ Texas u f’Buffalo, fl-Istat ta’ New York — bil-Gvernatur ta’ Illinois, Jay Robert Pritzker, iwissi li dawn l-isparaturi, illum, saru daqslikieku ‘tradizzjoni tal-Amerikani’,

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, esprima xokk u niket għall-aħħar vjolenza meta fil-pajjiż, skont l-istatistika, seħħet talanqas sparatura waħda fil-ġimgħa, mill-bidu tas-sena ‘il hawn.

Sadanittant, fl-aħħar sigħat fl-Istati Uniti seħħet sparatura oħra – din id-darba fil-belt ta’ Philadelphia – u li fiha ndarbu żewġ pulizija. L-isparatura seħħet waqt wirja piroteknika fl-okkażjoni tal-festa nazzjonali tal-4 ta’Lulju.