Internazzjonali

Awstralja: Eluf kbar fuq allert wara jiem ta’ għargħar f’Sydney

Il-poplu residenti f’Sydney u l-madwar jinsab trawmatizzat mill-impatt tal-aħħar maltemp u għargħar li ħallew xeni kważi ‘apokalitiċi’ f’dik iz-zona. Madwar 50,000 persuna, fl-aħħar sigħat, kienu mħeġġa biex jevakwaw miz-zoni residenzjali rispettivi ta’ Sydney meta l-akbar belt tal-Awstralja ġarrbet it-tielet inċidenza kbira ta’ għargħar din is-sena.

L-awtoritajiet meteoroloġiċi issa qablu li f’erbat ijiem biss niżlet l-ekwivalenti ta’ tmien xhur xita fuq l-ibnadi ta’ Sydney – bl-aċċess mit-toroq jinqata’ kompletament waqt li numru ta’ djar spiċċaw mgħarrqin taħt l-ilma. Sadanittant, eluf ta’ residenti għamlu żmien twil mingħajr dawl u servizzi oħrajn.

L-inċidenzi tal-għargħar fuq skala nazzjonali ( madwar l-Awstralja) qed ikunu xprunati minn xejriet tat-temp mogħtija l-laqam ta’ La Nina. L-elementi, s’issa, swew il-ħajja ta’ mill-anqas 20 persuna din is-sena, bil-parti kbira tal-vittmi jinzertaw f’New South Wales.

Fl-aħħar sigħat – u fid-dawl tal-emerġenza — ħarġu‘il fuq minn 100 direttiva għal evakwazzjoni fiz-zoni ta’ Greater Sydney . In-nies residenti f’xi 50 zoni oħra tal-Awstralja wkoll kienu mwissija biex jitilqu mill-inħawi lejn postijiet aktar sikuri, fost żieda ta’ għargħar mix-xmajjar f’diversi lokalitajiet u meta f’erbat ijiem biss niżlet 800 millimetru xita f’xi bnadi ta’ New South Wales.

Intant, fl-aħħar sigħat ħarġu anki twissijiet dwar irwiefen fiz-zoni ta’ Sydney li kapaċi jqaċċtu s-siġar mill-għeruq minbarra li jikkaġunaw ħsarat sinifikanti fl-infrastruttura. Dan waqt li Stephanie Cooke,  il-Ministru għas-Servizzi tal-Emerġenza f’New South Wales, wissiet li s-sitwazzjoni għandha tkompli fil-jiem li ġejjin.