Lokali Qorti

Carmelo Abela jgħid fil-Qorti li l-Pulizija ma kellhiex mistoqsijiet x’tagħmillu fuq il-każ tal-HSBC

Il-Pulizija ma kellhiex mistoqsijiet x’tagħmel lill-Ministru Carmelo Abela meta volontarjament għamel lilu nnifsu disponibbli għall-investigazzjoni dwar l-attentat ta’ serqa tal-HSBC fl-2010. L-eks Ministru tal-Intern Carmelo Abela qal dan meta kien qed jixhed f’kawża ta’ libell li huwa ressaq kontra l-avukat Jason Azzopardi, li kien allega li Abela kien ikkollabora ma’ kriminali li kienu qed jippjanaw serqa fl-Uffiċċju Prinċipali tal-HSBC f’Ħal-Qormi fl-2010, fejn Abela kien impjegat dak iż-żmien.

L-eks Ministru kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fejn qal li l-allegazzjonijiet kienu “gideb” li għamlu ħsara lir-reputazzjoni tiegħu u li swewh kariga pubblika. “Ma kienx diskors li hu aċċettabbli,” qal Abela, li rrimarka li ma ngħatax ministeru biex imexxi wara l-aħħar elezzjoni ġenerali.

“Għalkemm affettwatni l-aktar, żgur li kien hemm ukoll effetti fuq marti u uliedi,” huwa qal. L-eks Ministru tal-Intern qal li l-pulizija qatt ma sejħulu għall-interrogazzjoni b’rabta mas-serq jew biex jinvestigawh. “Biex inkun preċiż, kien hemm okkażjoni waħda biss, aktar reċentement meta jien stess stedint lill-pulizija biex jinterrogawni.

“Meta mort għand il-pulizija, ma kellhomx mistoqsijiet għalija. Jien mort biex nagħmel lili nnifsi disponibbli għall-pulizija. Ovvjament rrakkontajt l-avvenimenti li għaddejt minnhom, iżda l-pulizija, fir-rigward ta’ dan l-attentat ta’ hold up, ma għamlux mistoqsijiet…”

Huwa ma ġiex interrogat, ikkonferma, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Maġistrat. “Lanqas il-bank ma ħa azzjoni kontrija, dak iż-żmien jew issa,” tenna Abela. Huwa qal lill-Qorti li r-riperkussjonijiet negattivi tal-allegazzjoni li saret mill-Avukat Azzopardi affettwaw ukoll ir-reputazzjoni tiegħu mal-kontropartijiet politiċi tiegħu barra minn Malta.

“Kont Ministru għall-Affarijiet Barranin u ismi magħhom ġie mtappan b’mod li ma jistax jiġi kkwantifikat.” Abela qal li jiddistingwi bejn nies li kienu jafuh, li ma aċċettawx li dak li kien qed jiġi allegat seta’ jkun minnu u l-pubbliku bbaża l-ġudizzju tiegħu fuq il-bażi ta’ “dak li semgħu fil-midja”.

Meta ikkontro-eżamina lil Abela, l-avukat Joseph Zammit Maempel, li qed jidher għal Azzopardi, staqsih jekk il-Prim Ministru qattx tah raġuni biex iħallih barra mill-aħħar kabinett tal-ministri tiegħu. “Hija prerogattiva tal-Prim Ministru, imma ma nistax neskludi li potenzjalment, filwaqt li ma ngħatajt l-ebda raġuni, seta’ kien minħabba li l-każ kien għadu mhux deċiż. Seta’ kien fattur. Il-każ ġie differit għat-2 ta’ Novembru għal aktar kontro-eżami.

F’post fuq Facebook, l-Avukat Jason Azzopardi kien qal li Abela kien imwiegħed €300,000 biex jipprovdi filmati lill-kriminali u cards ta’ aċċess biex ikunu jistgħu jidħlu jisirqu milll-kwartieri ġenerali tal-Bank HSBC. Dak iż-żmien, Abela kien jaħdem fil-bank u kellu aċċess ukoll għat-tagħmir li kien jipproduċi l-cards ta’ aċċess għas-sigurtà. Abela dejjem ċaħad dawn l-akkużi.

L-allegazzjoni li “ministru sedenti” kien kompliċi fis-serqa l-ewwel kienu saru minn Vince Muscat “il-Koħħu” u Alfred Degiorgio, b’ta l-ewwel diġa ammetta li qatel lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u Degiorgio għadu għaddej proċeduri b’rabta mal-każ.