Ambjent Lokali

Il-Gvern m’għandux ikompli bil-ħadma dwar l-AUM

Il-Gvern illum għandu l-aħħar opportunità biex jagħti lura dak li ħa mingħand il-poplu mingħajr ma jaġevola lill-ispekulaturi Ġordaniżi. Il-Partit Nazzjonalista ilu jipprova jispjega lill-Gvern għaliex l-art fil-Ponta taż-Żonqor għandha tibqa’ tal-poplu, iżda l-Gvern qatt ma sema’.

Fi stqarrija maħruġa miż-żewġ membri tal-Kumitat tal-Verifika Rebekah Cilia u Darren Carabott, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-art fil-Ponta taż-Żonqor kienet irregalata lill-Ġordaniżi ta’ Sadeen bħala parti minn ftehim li kien ambigwu sa mill-bidu nett. Issa, il-Gvern qed jinsisti li jagħtihom art fi Smart City biex jużaw studenti li ħadd ma jaf min u fejn huma.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif, minflok ma jammetti l-involviment tiegħu f’din il-ħadma sħiħa, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jerġa’ jimmanuvra ma’ ta’ Sadeen biex jidher li qed jagħti lura l-art fil-Ponta taż-Żonqor lill-poplu. Iżda dan il-ftehim mhu xejn ħlief daħq fil-wiċċ.

Filwaqt li fil-kampanja elettorali, Abela qal biss li kien se jagħti l-art fil-Ponta taż-Żonqor lill-poplu biex jirbaħ il-voti, ma qalx li kien diġà ftiehem mal-Ġordaniżi biex jagħtihom medda ta’ art fi Smart City, li tiswa €63 miljun, għal €15,000 biss.
Illum Robert Abela jrid jaghżel bejn li jaqdi u jipproteġi l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi jew l-interessi tal-ispekulaturi barranin.