Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Imutu waqt bumbardament tar-Russi fuq suq fil-belt ta’ Slovyansk

L-Armata tar-Russja qed tkun akkużata dwar terroriżmu wara li sparat diversi balal tal-artillerija lejn suq fil-miftuħ fil-belt ta’ Slovyansk, lejn il-Lvant tal-Ukrajna. Fil-bumbardamenti mietu u ndarbu numru ta’ nies u meta l-qawwiet Russi qed jippersistu bl-attakki biex jaħtfu l-kontroll sħiħ fir-reġjun industrijali tad-Donbas.

Il-Kap tar-reġjun ta’ Donetsk, Pavlo Kyrylenko qal li aktar ma jgħaddu ġranet aktar qed jidhru l-provi li r-Russja qed twettaq gwerra fuq iċ-ċivili innoċenti u li l-bumbardament fuq is-suq iridu jitqiesu bħala ‘azzjoni speċifika ta’ terrur’

Fl-aħħar sigħat, il-belt ta’ Slovyansk inbidlet fi front ġdid tal-gwerra waqt li l-artillerija Russa kompliet tibbumbardja l-inħawi. L-awtoritajiet tal-belt qed iħeġġu biex in-nies taħt l-ebda ċirkustanzi ma joħorġu mix-xelters meta l-qawwiet Russi mhumiex jiddistingwu bejn ċivili u ll-militar Ukren fiz-zona.

Il-militar tal-Ukrajna, ftit jiem ilu, kien kostrett li jirtira mill-belt ta’ Lysychansk li kienet l-aħħar fortizza tal-Ukreni fir-reġjun ta’ Luhansk li jifforma parti mid-Donbas. Intant, l-irtirar tal-Ukreni kellu wkoll il-ħsieb li huma jsaħħu u jirrinfurzaw il-fortifikazzjonijiet tagħhom fiz-zoni ta’ Donetsk – inkluża Slovyansk – li għadhom ikkontrollati mill-Ukrajna.

Sadanittant, il-Kap tar-reġjun ta’ Luhansk, Serhiy Haidai, irrefera għal ġlied qalil bejn il-militar Russu u s-suldati Ukreni fil-periferiji ta Luhansk u viċin ta’ Lysychansk. Dan waqt li r-Russja rrikorriet għal ammonti sostanzjali ta’ reinforzi biex taċċerta minn vantaġġ waqt il-battalji — fost rapporti li ħafna mit-truppi Russi għandhom jaqsmu l-pontijiet tal-pontoon biex jaslu fuq il-fronti tal-gwerra lejn il-lvant tal-Ukrajna.

Fl-istess ħin, Haidai irrefera għal telf ta’ ħajja terribbli fost is-suldati Russi, bid-difensuri Ukreni jidhru li kienu qed jillimitaw l-avvanzi mill-art tal-militar tal-Kremlin.

L-aħħar rapporti qalu li l-Kamra t’Isfel tal-Parlament Russu – jew kif inhi magħrufa aħjar id-Duma – appoġġjat abbozz ta’ liġi li jippermetti l-miżuri speċjali fis-settur industrijali tar-Russja li issa qed ikun kostrett li jappoġġja lill-militar tar-Russja fl-Ukrajna. L-Istat, issa, jista’, fost oħrajn, jimponi l-kuntratti fuq ċerti intrapriżi li huma relatati mal-invażjoni tal-Ukrajna u li r-Russi qegħdin isejħulha bħala ‘kampanja militari speċjali’.